Internazzjonali

Traġedja fl-Indja: Tmut wara li nqabditilha xagħarha fir-rota ta’ go-kart

Mara Indjana tilfet ħajjitha f’amusement park fl-Istat ta’ Haryana wara li xagħarha nqabditilha fir-roti ta’ go-kart.

Il-mara, Puneet Kaur, ta’ 28 sena, kienet qed tgawdi btajjel mal-familja fil-ħin tal-inċident u hi kienet iddikjarata mejta malli n-nies wassluha l-isptar. Id-diretturi tal-park, fl-inħawi ta’ Pinjore, issa, għalqu l-go-kart track u l-pulizija qegħdin jinvestigaw iċ-ċirkustanzi traġiċi.

Kelliema qalu li Kaur u r-raġel tagħha kienu fil-go-kart meta x-xagħar tal-mara ‘tkebbeb mal-parti ta’ rota’ waqt li go-kart kompla għaddej b’veloċità — bir-riżultat li ‘il-qoxra ta’ ras il-mara tqaċċtet qisha karta’.

L-awtoritajiet qed jistennew ir-riżultat tal-awtopsja fuq il-katavru tal-vittma meta l-kawża tal-mewt ma kenitx ċara. Ma saru l-ebda arresti marbuta mal-każ.

Ir-rapporti qalu li Puneet Kaur kienet liebsa elmu u kellha xagħarha miġbur waqt li kienet fil-go-kart.

Filwaqt li wieħed mill-managers tal-go-kart station qalu li huma kienu segwew il-proċeduri kollha tas-sigurtà, ‘fosthom l-użu ta’ elmijiet adekwati għat-tlielaq bil-go-karts’, ir-raġel tal-vittma sostna li ‘jiftakar biss l-għajta ta’ martu fil-ħin tal-inċident’ u li hu ‘ma jafx il-kwalità tal-elmu li ngħatalha’.