Xufier t’20 sena qed isofri ġrieħi gravi wara inċident tat-traffiku f’Telgħet Raħal Ġdid, f’Raħal Ġdid. L-inċident seħħ għall-ħabta tad-21.00 tal-bieraħ filgħaxija.
Minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li ż-żagħżugħ t’20 sena li joqgħod Bormla, tilef il-kontroll tal-karozza tat-tip Peugeot 106, li kien qed isuq, ħabat ma’ vettura pparkjata u sussegwentement inqaleb. Flimkien miegħu fil-vettura kien hemm ukoll żewġ passiġġiera, żagħżugħa ta’ 15-il sena u mara ta’ 39 sena, it-tnejn residenti l-Iklin.
Ambulanza marret mill-ewwel fuq il-post fejn ħadet lill-vittmi lejn l-isptar Mater Dei biex jirċievu aktar kura. Aktar tard, ix-xufier ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi gravi filwaqt li l-passiġġiera weġġgħu ħafif.
L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadha għaddejja.
//= $special ?>