Lokali

“Dan il-Gvern m’għandux pjan għal strateġija ta’ saħħa medika”

Id-diskors tad-deputat Mario Galea fiż-Żejtun

Qabel ma’ ingħata bidu għad-diskors tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fl-attivita’ politika fiż-Żejtun, id-deputat Mario Galea indirizza lill-folla preżenti. L-ewwel semma’ kif ma jistax ikun li dan il-Gvern jibqa’ għaddej gaffa minn fuq in-nies, filwaqt li tenn li ż-Żwieten ma jixraqilhomx hekk.

Wara tkellem ukoll dwar is-saħħa mentali fejn qal li hu għadu jieħu l-kura għad-dipressjoni, filwaqt li żied li madwar 70% ta’ dawk kollha li jbatu mis-saħħa mentali ma jfittxux għall-kura minħabba l-istigma li hawn fis-soċjeta’ tagħna. Żied, illi l-Partit Nazzjonalista se jkun l-ewwel partit li se jaddotta tolleranza zero għall-istigma fuq is-saħħa mentali.

Mario Galea qal li dan il-Gvern m’għamel xejn fejn tidħol il-kura tas-saħħa mentali, u agħar minn hekk żarma dak li għamel il-Gvern preċedenti Nazzjonalista. Id-deputat Nazzjonalista qal li ħadd m’għandu l-garanzija li mhux se jkollu jidħol għall-kura fl-isptar Monte Karmeli, għaliex il-mard mentali ma jħares lejn wiċċ ħadd. Stqarr li l-istat li fih qiegħed l-isptar Monte Karmeli hi tal-mistħija, u rringrazzja l-professjonijiet li jaħdmu fl-istess sptar minkejja s-sitwazzjoni diffiċli li jinsabu fiha.

Mario Galea qal li dan il-Gvern m’għandux pjan għal strateġija ta’ saħħa medika, iżda għandu pjan għall-korruzzjoni. Qal li min ikun fil-Gvern ma jiġġiliedx il-korruzzjoni, għalhekk jissejjaħ korrot hu wkoll. Hawnhekk irrimarka li dan hu kliem il-Prim Ministru Joseph Muscat stess meta kien Kap tal-Oppożizzjoni.

Semma’ kif xogħol il-Gvern Nazzjonalista kien għamel Crisis Intervention Unit li għalih il-Belġjani kienu ġew Malta biex jistudjaw l-idea. Minn naħa l-oħra, l-Għaqda Dinjija għas-Saħħa Mentali kienet talbet il-liġi l-ġdida għas-Saħħa Mentali biex tieħu eżempju minnha. Hawnhekk hu qal li dan ifisser li l-barranin kienu ġew Malta biex jaddottaw l-istrateġija tal-esperti Maltin fil-passat, u mhux kif qegħdin issa li l-Gvern Malti jrid iġib l-istrateġisti barranin biex jagħmlu strateġija għall-Maltin.