Lokali

FILMAT U RITRATTI: Karru Għawdxi fil-Karnival ta’ Malta

Karru Għawdxi

Karnival b’karru differenti mill-kumplament. Dan hekk kif wieħed minnhom inħadem f’Għawdex u saħansitra kellu sehem fil-karnival regjonali ta’ Għawdex.

Il-karru, li għandu diversi effetti fosthom għajnejn jiċċaqalqu u duħħan joħroġ mill-karru nnifsu, ta l-opportunità lil dawk li ma telgħux Għawdex biex jammiraw karru Għawdxi.  Żewġ imħuħ wara l-karru huma George Zammit u Jean Grima li jagħmlu parti minn Labonski Carnival Company.

Għalkemm Malta u Għawdex huma gżejjer daqstant viċin ta’ xulxin, xorta waħda ġew innotati numru ta’ differenzi fil-karrijiet tal-karnival fil-gżejjer differenti. Jean Grima qalilna li “l-karru tagħna jinħadem differenti minn tal-Maltin hekk kif il-Maltin jużaw ħafna injam u aħna nużaw ħadid u chicken wire. Għandna wkoll kuluri differenti filwaqt li nużaw sistema tal-airbrush.”

Grima kompla jgħid li waqt il-karnival regionali f’Għawdex sofrew xi ħsarat li ma kellhomx kontrol fuqhom. Madankollu xorta kien ta’ sodisfazzjoni li tellgħu karru minn tagħhom għall-Karnival ta’ Malta.

Għalkemm il-karru ma kienx daqstant kbir ikkumparat mas-snin passati, xorta irnexxielhom itellgħu livell tajjeb. Filfatt, George Zammit  qal li “f’Għawdex is-soltu nagħmlu wieħed ikbar iżda kelna x-xorti ntellgħu wieħed lejn Malta.”

L-ewwel ġranet tal-Karnival f’Malta kellhom jitħassru minħabba l-maltemp li għamel, bl-attivitajiet tmexxew għal tmiem din il-ġimgħa. B’hekk dan ta l-opportunità biex il-karru seta’ jinġieb minn Għawdex u jipparteċipa wkoll għall-Karnival ta’ Malta.

Bħall-ġranet l-oħra, komplew jispikkaw il-maskri kkuluriti, karrijiet enormi, kostumi u kif ukoll ma setax jonqos il-briju li ġġib miegħu din iċ-ċelebrazzjoni.

Ritratti: Joseph Galea