Lokali

FILMAT: Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia għada se jitlob il-Qorti tiddikjara null il-kuntratt mal-Vitals

“Il-Partit Nazzjonalista se jiġġieled b’kull mezz biex dak li qed jittieħed b’qerq mingħand il-poplu jingħata lura b’mod sħiħ.”, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ħabbar li għada filgħodu se jiftaħ kawża biex l-isptar San Luqa, l-isptar Karen Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, li ngħataw lil Vitals Global Healthcare, jingħataw lura lin-nies.

Waqt attività politika fil-Każin Nazzjonalista fiż-Żejtun, Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni se titlob il-Qorti tiddikjara li l-kuntratt, li l-Gvern Laburista ffirma mis-sidien anonimi tal-Vitals Global Healthcare ikun annullat. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li dan hu l-pass li jmiss wara li fid-29 ta’ Jannar kien fetaħ protest ġudizzjarju fuq dan id-deal ħażin bil-propjetà tal-poplu.

Adrian Delia qal li l-Gvern m’għandux għal qalbu is-saħħa tal-Maltin u l-Għawdxin għaliex filwaqt li sab il-miljuni biex jagħtihom lis-sidien tal-Vitals qed jixxaħħaħ mall-pazjenti b’nuqqas ta’ saħħa mentali. Huwa sostna li l-Gvern Laburista abbanduna l-isptar Monte Karmeli u ma’ ħalliehx aktar il-post li jagħti l-wens lill-persuni vulnerabbli. Minflok appunta CEOs mingħajr kwalifiki fis-saħħa mentali għaliex huma biss Sindki Laburisti. Adrian Delia qal li “mil-lum dawn il-persuni se jerġa’ jkollhom leħen, li se jkun dak tal-Partit Nazzjonalista.”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem ukoll fuq l-estensjoni taż-Żona Industrijali ta’ Bulebel u kif il-Gvern Laburista jrid jeqred 120,000 metru kwadru ta’ art. Sostna li Joseph Muscat iħossu ‘l fuq mil-liġi għax rebaħ l-elezzjoni u jrid jinjora liġi li daħħal hu stess u ma jagħmilx studju fuq din l-art kif titlob l-istess liġi. Qal li Joseph Muscat l-ewwel jiftiehem ma xi ħadd, imbagħad jgħid li għandna bżonn lil min ikun innegozja mieghu u jbiddel il-liġi biex jakkomoda ma’ min ikun ftiehem. Adrian Delia staqsa fejn huwa dan l-istudju, lil min il-Gvern se jagħti l-art f’Bulebel u jekk sarux diġà l-kuntratti. Adrain Delia qal li anke f’dan il-każ il-Partit Nazzjonalista se jkun il-vuċi tan-nies u se jiddefendi biss l-interessi tal-komunità taż-Zejtun u l-ambjent Malti. Qabel id-djalogu il-Kap tal-Partit Nazzjonalista żar il-post fejn il-gvern irid jeqred 120,000 metru kwadru ta’ art.

 

Adrian Delia fakkar kif iż-Żwieten u ż-Żejtun kienu minn ta’ quddiemnett fil-ġlieda għad-demokrazija f’pajjiżna. Huwa qal ukoll li d-demokrazija irridu niġġieldu għalija kuljum u kif llum Malta ġiet ikklassifikata fl-agħar post li qatt konna f’indiċi ewlieni internazzjonali tad-demokrazija. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun il-vuċi tan-nies.