Fid-diskors tagħha waqt l-attivita’ politika tal-Ħadd, il-kandidat Janice Chetcuti qalet li minn ċkunita kienet involuta fir-raħal taż-Żejtun. Kienet dik it-trobbija li fiha telgħet b’ċertu kuntentizza, u anke telgħet b’sens ta’ responsabilita’. Tenniet, li l-memorja ta’ tfulita jduru kollha madwar l-logħob fil-ftuħ tal-kampanja – propju f’Wied ta’ Bulebel. Għalhekk qalet li hi tinstab f’xokk, hekk kif dan l-istess wied se jinbena u komplew jiġu approvati l-iżviluppi. Kien hawnhekk li Janice Chetcuti appellat lill-Prim Ministru Joseph Muscat jekk għalih ix-xogħol u l-art tal-bdiewa jixraqlu r-rispett, u li jiġi ssalvagwardjat. Kien hawnhekk fejn irringrazzjat lill-NGO Wirt iż-Żejtun, fejn fost l-oħrajn iddefendew l-wirt arekoloħġiku bħall-oqbra puniċi li jinsabu fl-akwati ta’ fejn se jsir l-iżvilupp.
Janice Chetcuti elenkat li skont il-pjan lokali għan-Nofsinhar ta’ Malta, dan il-Wied ta’ Bulebel kien ġie identifikat bħala art li għandha grad għoli ta’ valur agrikolu, u għal kull tibdil li jkun irid isir, qabel irid isir studju taż-żona dwar l-impatt. Il-kandidat Nazzjonalista qalet li donnu saret drawwa mill-Gvern li ma jikkunsidrax l-intelligenza tal-poplu Malti u jibqa’ jgħaddi minn fuq il-poplu.
Janice Chetcuti qalet li n-numru ta’ permessi approvati fuq art ODZ juru kif dan il-Gvern qed jagħti l-kunsens li jsir l-iżvilupp f’dawn iż-żoni protetti. Kien hawnhekk li l-kandidat qajmet dubji dwar il-viżjoni tal-Gvern ta’ Joseph Muscat, fejn staqsiet x’jiġri mill-pompi tal-petrol meta l-karozzi ‘l quddiem ma jibqgħux jitħaddmu bil-petrol u d-diesel?
Qalet li issa hu l-mument li l-Partit Nazzjonalista jkun il-vuċi tal-poplu u jneħħi din l-arrogazna kbira tal-Gvern li jagħlaq ħalq in-nies. Janice Chetcuti tenniet li issa hu l-mument li l-Partit Nazzjonalista jagħti leħen lis-sentimenti ta’ dawn in-nies – għaliex din hi l-politika l-ġdida ta’ Adrian Delia u l-Partit Nazzjonalista. Appellat biex il-politiku jinżel mill-pedestall tal-arroganza personali, u jħoss x’inhu vera l-uġiegħ u jsib id-direzzjoni li dan il-Gvern tilef. Janice Chetcuti qalet li bl-entużjażmu u l-kariżma tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, irridu nerġgħu niksbu lura l-ambjent ta’ Malta.
//= $special ?>