Evgueni u Snezhana Bodishtianu, koppja Russa residenti f’Malta li għandha wkoll iċ-ċittadinanza Maltija, fil-jiem li għaddew kienet ordnata tħallas xejn inqas minn €2.09 miljun f’self u fi mgħaxijiet dovuti lill-Bank BNF.
Il-kumpanija DHM Property Investments, li hi proprjetarja tal-koppja Russa, u l-kumpanija assoċjata Zebra Group, wara proċess twil fil-Qorti kienu ordnati jirrifondu lill-Bank BNF is-somma ta’ €2.09 miljun biex hekk ikunu qed jagħmlu tajjeb għal sitt każi ta’ self mill-istess bank.
Irriżulta fis-snin ta’ wara li dawn il-ħlasijiet lura lill-Bank BNF ma kinux qed isiru aktar u bdew jakkumulaw ukoll l-imgħaxijiet dovuti lill-istess bank.
Dan il-każ mhux l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu għal din il-koppja Russa wara li ftit tas-snin ilu kienet ordnata li tirrifondi €58,000 f’miżati tal-iskola li ġabret bil-quddiem għad-detriment ta’ omm student li ħallset sal-inqas ċenteżmu għas-sena skolastika li kien imiss, biex imbagħad lejlet il-ftuħ tal-iskola l-koppja għalqet ħesrem l-istess skola.
Il-koppja Evgueni u Snezhana Bodishtianu hi l-proprjetarja ta’ skola Russa tat-tip boarding li tinsab f’San Pawl il-Baħar u tul is-snin li għaddew kienet ħadet self kbir mingħand il-Bank Banif kif kien magħruf dak iż-żmien.
Dan il-każ partikulari kien hemm ħafna mistoqsijiet minn bosta ġenituri Russi li kienu għażlu li jibagħtu lil uliedhom f’din il-boarding school. Iżda dawn il-mistoqsijiet baqgħu qatt ma kienu mwieġba għalkemmm deher evidenti li l-koppja Russa, li ngħatat ukoll iċ-ċittadinanza Maltija kellha problemi finanzjarji kbar ħafna.
Irriżulta wkoll minn aktar stħarriġ li sar li aktar ġenituri kienu ngidmu b’dan il-mod, Fid-dawl ta’ dawn il-każi ta’ frodi, l-iskola għalqet il-bibien tagħha bil-konsegwenzi li bosta ġenituri Russi kienu kostretti jibagħtu lura lil uliedhom f’pajjiżhom minħabba li f’Malta ma ngħatawx dak imwiegħed lilhom.
//= $special ?>