Informazzjoni li għandha il-mument titfa’ dawl ġdid fuq l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni fil-konfront tal-Ministru Konrad Mizzi. Jirriżulta li l-Financial Intelligence Analysis Unit, l-FIAU, investigat b’mod dettaljat id-dikjarazzjonijiet finanzjarji magħmula mill-Ministru Konrad Mizzi fil-Parlament u kkonkludiet li dawn ma jaqblux mal-assi veri u propji li għandu l-Ministru.
Sorsi qrib ta’ Kastilja żvelaw ma’ il-mument li waqt li kienet għaddejja l-investigazzjoni tal-FIAU dwar Konrad Mizzi u Keith Schembri, inqalet kwistjoni dwar id-dikjarazzjonijiet li għamel Konrad Mizzi fejn fost l-oħrajn iddikjara li għandu ‘l fuq minn €300,000 f’assi finanzjarji. Iżda, l-FIAU sabet li dan mhux minnu għaliex mill-investigazzjonijiet tagħha l-assi ta’ Konrad Mizzi ma jaqbżux il-€100,000.
“Dak iż-żmien inġieb f’Kastilja espert finanzjarju magħruf għalkemm hu qrib il-Partit Laburista u li kemm ilna fil-gvern ingħata pożizzjoni għolja fil-qasam finanzjarju. Dan l-espert wissa li huwa ċar li l-FIAU kienu qed jippuntaw lejn ħasil ta’ flus biex waslu għal konklużjoni li l-Ministru Konrad Mizzi ddikjara iżjed minn dak li għandu,” spjega s-sors tagħna li kien jaħdem f’Kastilja dak iż-żmien.
il-mument ħa l-parir ta’ avukat li jaħdem fil-qasam finanzjarju li qaltilna li min ikun qed iħejji ruħu li se jiddepożita flejjes illeċiti li ġejjin mil-korruzzjoni jew mit-traffikar normalment jibda jiddikjara li għandu iżjed flus milli fil-fatt għandu biex meta jsiru d-depożiti dawn ma jagħtux fil-għajn.
Mhux magħruf jekk l-FIAU daħlitx din l-informazzjoni fir-rapport dwar Konrad Mizzi iżda s’issa din l-informazzjoni għadha ma ħarġet qatt.
Għada it-Tnejn il-Maġistrat Aaron Bugeja li qed jinvestiga l-allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus fil-kumpanijja Egrant kif ukoll fuq politiċi esposti inkluż Konrad Mizzi, mistenni jirċievi rapport komplut tal-FIAU li ġie żvelat mill-Membru Parlamentari Ewropew David Casa. Il-gvern ta’ Joseph Muscat qed jhedded lil David Casa b’ħabs jekk jippubblika r-rapport komplut. Għal Casa qed jidher l-avukat u Membru Parlamentari Nazzjonalista Jason Azzopardi.
Intant, fi stqarrija b’reazzjoni għal dan l-iżvilupp importanti, l-Ewroparlamentari David Casa qal li jemmen li l-ġudikatura hi l-aħħar tama għall-poplu Malti u Għawdxi, għaliex l-istituzzjonijiet l-oħra huma għodda tal-Gvern, interessati biss biex jgħattu l-attivitajiet kriminali tal-politiċi li jmexxuhom.
David Casa esprima sodisfazzjon li l-Qorti rreaġixxiet b’mod pożittiv għal dak li qal u ssokta, li lill-Maġistrat se jtih dak kollu li għandu, u jgħidlu dak kollu li jaf. Hu żied, li jinsab fiduċjuż li b’dak li se jagħmel, u li l-ġudikatura se tkun tista’ tagħmel dak li, f’ċirkustanzi normali, messu sar mill-Pulizija. Casa kompla li l-FIAU ħbiet dan ir-rapport dwar Konrad Mizzi, u sa fejn hu magħruf, qatt ma wasal għand il-Kummissarju tal-Pulizija.
L-MEP stqarr li madanakollu, hu ovvju li l-Kummissarju tal-Pulizija mhux interessat f’attivitajiet kriminali li saru min-nies viċin il-Prim Ministru. Minkejja li l-pubbliku ilu jaf minn Diċembru li għadda li għandu dan ir-rapport, ma sar ebda attentat mill-Kummissarju tal-Pulizija biex jakkwista din l-informazzjoni, sostna David Casa.
Ir-rapport tal-FIAU kien ġie konkluż f’Marzu 2017. Dan ir-rapport jinkludi dettalji ta’ skemi, sistemi, imġiba u kollużjoni f’korruzzjoni, u ħasil ta’ flus li jinvolvu uffiċjali fl-ogħla livelli tal-Gvern Malti.
Konrad Mizzi u Keith Schembri jinsabu taħt investigazzjoni maġistrjali wara li ħareġ fil-‘Panama Papers’ li għandhom kumpaniji sigrieti fil-Panama u li wara li ppruvaw jiftħu kontijiet bankarji f’diversi pajjiżi u ma rnexxilhomx, kien il-Bank Pilatus f’Malta li fetħilhom dawn il-kontijiet. Il-Bank Pilatus jinsab taħt diversi investigazzjonijiet kemm mill-FIAU iżda wkoll minn istituzzjonijiet Ewropej li talbu biex il-Gvern ta’ Joseph Muscat jirtira l-liċenzja lil dan il-bank, ħaġa li l-Prim Ministru mhux lest jagħmel.
//= $special ?>