Parteċipanta oħra fil-programm ‘LEAD’ maħluq mill-Partit Laburista biex fil-mument opportun ikun ta’ imbottatura kbira lill-Ewroparlamentari Laburista Miriam Dalli, mhux biss ikkonfermat l-istorja pubblikata b’mod esklussiv il-Ħadd li għadda, iżda żvelat magħna li skop ieħor ta’ dan il-programm hu biex permezz tal-parteċipanti jitkisser id-Deputat Prim Ministru u Ministru Laburista Chris Fearne bl-iskuża li “dan jekk isir Leader hu jitfagħna lura għal żmien Mintoff”.
F’nofs din il-ġimgħa tfajla oħra mill-programm ‘LEAD’ ma felħitx iżjed għal dak li qed jiġri madwarha u għamlet kuraġġ biex titkellem minkejja l-biża’ li teżisti fost il-parteċipanti kollha. It-tieni tfajla li fetħet qalbha ma’ il-mument mhux biss ikkonfermat id-dettalji tal-ewwel rapporti żvelati mill-kollega tagħha, iżda tat ammont ta’ tagħrif kompletament ġdid li qed inwassluh illum bl-aktar mod esklussiv.
Din il-gazzetta llum hi f’pożizzjoni li tkompli tiżvela kif wara r-rapport tal-Ħadd li għadda fil-Kwartieri Laburista fil-Ħamrun kien hemm reazzjoni qawwija dwar kif id-dettalji ta’ dan il-programm sabu ruħhom għand il-mument.
Simultanjament għal dan kollu nistgħu niżvelaw ukoll kif persuni viċin l-istess Ewroparlamentari Laburista Miriam Dalli u ċ-Chief of Staff Keith Schembri fil-jiem li għaddew għamlu minn kollox biex isiru jafu min tkellem ma’ din il-gazzetta.
Is-sors tagħna qaltilna li semgħet li “issejħu għaxar parteċipanti bil-għan li jikxfu jew jammettu li tkellmu ma’ il-mument.” Minn fost dawn in-nies kien hemm min ħa għalih serjament għaliex qal “li bħal riedu jwaħħlu fiha li tkellmet ma’ din il-gazzetta.” Dan kompla joħloq tensjoni kbira u jidher ukoll li mara minnhom qalet li m’għandiex bżonn dan l-inkwiet u li se tieqaf.
Sadattant min jikkoordina dan il-programm ‘LEAD’, fuq struzzjonijiet li ngħata, ħareġ twissija biex ħadd mill-parteċipanti ma jitkellem mal-ġurnalisti u li m’għandhom jafdaw lil ħadd “għaliex hawn nies fostna li qed ilabalbu man-naħa l-oħra.” L-ordni li nħarġet kienet: “jekk jagħmlu kuntatt magħkom avżawni mill-ewwel”.
Produzzjoni apposta dwar il-programm ‘LEAD’
Sorsi oħra fi ħdan il-Partit Laburista li dan l-aħħar saru jitkelmu magħna għax jinsabu diżgustati bil-mod kif qed jitmexxa l-partit minn Joseph Muscat, żvelaw li wara r-rapport pubblikat nhar il-Ħadd li għadda tqabdet kumpanija awdjoviżiva ‘qrib ħafna tal-Partit Laburista’ u ngħatat l-inkarigu li tipproduċi video biex juru kemm il-programm LEAD hu wieħed ġenwin. Dan il-filmat irid jitlesta f’temp ta’ ġimagħtejn u fih se jkunu intervistati ħafna parteċipanti biex igiddbu lill-ewwel parteċipanta li kixfet x’qed jiġri minn wara l-kwinti.
Jitħejja pjan biex imexxu l-kelma favur Miriam Dalli
It-tieni tfajla li tkellmet magħna żvelat iżjed. Din qaltilna bil-pjan tal-Partit Laburista biex fis-sajf li ġej il-parteċipanti se jintbagħtu fil-festi madwar Malta u Għawdex biex imexxu l-kelma favur Miriam Dalli. “Tridu tidħlu f’kull organizazzjoni u għaqda fl-irħula u bliet kollha u tmexxu l-kelma favor Miriam,” huma l-istruzzjonijiet.
Din il-parteċipanta qalet li hi kellha impressjoni differenti ta’ Miriam Dalli iżda minn dak li rat fil-programm ‘LEAD’ tilfet il-fiduċja fiha. “Għall-ewwel tolqtok bhala mara brava u ta success, iżda bdejt ninduna li qatt ma twieġeb jekk qabel ma tgħidx ‘tuni cans niċċekkja’. Għandha mod kif tipprova tirbħek billi titbissem b’għajnejha u tgħidlek ‘ok xbin’. Imma tidher li mhux sid tagħha nnifisha.”
Profili foloz fuq Facebook
It-tieni tfajla żvelat ukoll kif kemm ilha fil-programm ‘LEAD’ kellha tiftaħ żewġ profiles ta’ Facebook foloz biex tikkummenta kontra esponenti Nazzjonalisti partikolarment fuq il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
Sadattant wara l-aħbar esklussiva tal-Ħadd li għadda, l-Ewroparlamentari Laburista Miriam Dalli fuq Facebook ħarġet tipprova tiddefendi lilha nnifisha billi qalet li n-‘Nazzjonalisti jattakkaw lin-nisa!’. Imkien fid-difiża tagħha Miriam Dalli ma ċaħdet dak li kixfet l-ewwel parteċipanta li tkelmet magħna.
Ta’ min wieħed jinnota kemm ftit li xejn sabet appoġġ fuq Facebook għal dak li kitbet Miriam Dalli.
Anzi ken hemm min ikkritikha. Mara partikolari kitbet hekk, “Jien Laburista minn ġuff ommi iżda dan mhux il-partit li trabbejna fih, imiskom tistħu.”
Mara oħra kitbet, “In-neputija tiegħi kienet fih da nil-programm iżda telqet għax ma tħobbx il-qżiżati u kunfidenzi żejda.”
Skont it-tieni tfajla li tkellmet magħna dawn il-messaġġi ġew imħassra minn fuq facebook f’temp ta’ ftit minuti.
//= $special ?>