Iċ-Champions tal-Ewwel Diviżjoni Marsaxlokk Brown’s Pharmacy komplew isaħħu l-iskwadra tagħhom għal din is-sena hekk kif ħabbru li akkwistaw lil Stefano Luongo. It-Taljan se jkun qed jibda l-kampjonat max-Xlukkajri u mistenni jservi ta’ riserva għall-Ungeriż ta’ 33 sena Norbert Hosnyánszky li se jkun il-barrani prinċipali tat-tim.
Luongo għandu 28 sena u bħalissa jilgħab fil-kampjonat A1 ma’ BPM Sport Management, tim li bħalissa jinsab fit-tieni post tal-klassifika A1 tal-Italja.
Sa issa Marsaxlokk laħqu wkoll ftehim maż-żagħżugħ Matteo Cacici u Luke Calleja biex jingħaqdu magħhom b’kuntratt ta’ erba’ snin. Ix-Xlukkajri laħqu ftehim ma’ Bryan Buhagiar biex itawwal il-perjodu tiegħu mal-klabb b’sentejn.
Lejn tmiem is-sena l-oħra, Marsaxlokk kienu diġà għamlu diversi akkwisti oħra. Huma akkwistaw lill-gowlkiper ta’ Sliema Ryan Coleiro, Sean Gravina mingħand Neptunes u lil Matthew Pace u Clyde Bonello li fl-istaġun li għadda lagħbu ma’ Ta’ Xbiex u Marsaskala rispettivament. Huma wkoll akkwistaw is-servizzi ta’ Michael Rizzo mingħand Valletta, lil Otis Zammit b’self u kkonfermaw għal sena oħra lil Claudio Spiteri Debarro.
//= $special ?>