Futbol Sport

Napoli jibqgħu punt fuq Juventus

Allan jiċċelebra ma' Lorenzo Insigne wara l-gowl (Ritratt: EPA)

It-taqtigħa għar-rebħ tal-kampjonat tas-Serie A kompliet hekk kif il-leaders Napoli u ċ-champions Juventus rebħu l-konfronti tagħhom bi skor minimu biex id-distakk bejn iż-żewġ timijiet baqa’ ta’ punt. Fin-naħa ta’ isfel tal-klassifika, Benevento kisbu rebħa importanti kontra Crotone biex naqsu d-distakk minn ma’ Crotone għal 11-il punt.

Napoli baqgħu fil-quċċata tal-kampjonat tas-Serie A wara li fi Stadio San Paolo għelbu lil Spal 1-0. Napoli skorjaw l-uniku gowl tal-partita wara sitt minuta meta fi triangolazzjoni perfetta, kien ALLAN li b’xutt fil-baxx għeleb lil Alex Meret.

Juventus rebħu d-Derby della Mole meta għelbu lil Torino 1-0. Il-gowl rebbieħ wasal fit-33 minuta meta kross għan-nofs mil-lemin ta’ Federico Bernardeschi sab lill-iżmarkat ALEX SANDRO li mill-viċin għeleb lil Sirigu.

Milan komplew isaħħu posthom lejn in-naħa ta’ fuq tal-klassifika meta rebħu konfront li f’dan l-istadju kien dirett kontra Sampdoria 1-0. Milan setgħu fetħu l-iskor wara seba’ minuti iżda Ricardo Rodriguez falla l-penalty. Madankollu l-gowl li spiċċa deċiżiv kien skorjat fit-13-il minuta meta minn kross mil-lemin, Giacomo Bonaventura kien fil-post it-tajjeb biex jegħleb lil Emiliano Viviano b’konklużjoni mill-ewwel.

Atalanta naqsu li jieħdu vantaġġ mill-konfront bejn Sampdoria u Milan meta fi Stadio Atleti Azzurri d’Italia spiċċaw 1-1 kontra Fiorentina. It-tim ta’ Pioli kien mar fil-vantaġġ wara 16-il minuta permezz ta’ Milan Badelj, iżda Atalanta ġabu d-draw qabel tmiem l-ewwel taqsima permezz ta’ Andrea Petagna.

Rebħa importanti għal Benevento li f’darhom għelbu lil Crotone 3-2. GIOVANNI CROCIATA fetaħ l-iskor għal Crotone fil-11-il minuta. Benevento dawru l-iskor, l-ewwel b’gowl ta’ SANDRO fis-37 minuta, b’NICOLAS VIOLA jiskorja t-tieni gowl fil-65 minuta. AHMAD BENALI ġab id-draw fit-73 minuta, iżda CHEICK DIABATE skorja l-gowl tar-rebħa lejn it-tmiem.

Bologna għelbu fi Stadio Renato Dell’Ara lil Sassuolo 2-1. ANDREA POLI fetaħ l-iskor għal Bologna fit-12-il minuta, b’KHOUMA BABACAR iġib id-draw għal Sassuolo fit-38 minuta. Il-gowl tar-rebħa ġie skorjat minn ERIK PULGAR fit-88 minuta.