Internazzjonali

Netanyahu jikkundanna lill-Iran bħala ‘theddida għad-dinja’

Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, attakka bl-aħrax lill-Iran fundamentalista waqt konferenza dwar is-sigurtà fil-Ġermanja, fejn fisser lill-Istat Iżlamiku bħala ‘l-akbar theddida għad-dinja’.

Waqt id-diskors fi Munich, Netanyahu għamilha ċara li hu ‘mhux se jippermetti li r-reġim Iranjan jissikka l-morsa tat-terrur fuq kulħadd’. Hu anki għamel paragun bejn il-Ftehim ta’ Munich tal-1938 — li falla fit-tentattiv biex inaqqas it-theddida tal-eksdittatur Nażista Adolf Hitler — u l-ftehim nukleari tal-2015 bejn il-potenzi tad-dinja u l-Iran.

Skont Netanyahu, il-ftehim nukleari serva biss ‘biex id-dinja tiffaċċja tigra nukleari bl-emblema tal-Iran’. Il-Mexxej Iżraeljan akkuża lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Iranjan, Mohammad Javad Zarif, bħala ‘rappreżentant ta’ Tehran li juża ħafna kliem sabiħ u li kapaċi jigdeb b’ċerta ħila’. Javad kien ir-rappreżentant tal-Iran fi Munich, u waqt id-diskors ta’ Netanyahu, kien qed iħejji biex ikellem lid-delegati għall-konferenza.

Netanyahu sostna li l-Iran qed jigdeb meta jiċħad li, jiem ilu, bagħat drone fit-territorju ta’ Iżrael. Id-drone kien twaqqa’ mill-qawwiet Iżraeljani u Netanyahu, waqt id-diskors, ipproduċa oġġett li fisser bħala parti mid-drone meqrud waqt li indirizza direttament lil Zarif  bil-kliem ‘int għandek tagħraf dan l-oġġett għaliex hu tieghek u ta’ pajjiżek’.

Zarif, wara, qal li din il-preżentazzjoni ta’ Netanyahu ‘setgħet titqabbel ma’ teatrin għaċ-ċirklu’ waqt li sostna li hu ma kienx se joqgħod jaħli ż-żmien fi tweġiba.

It-tensjoni bejn Iżrael u l-Iran żdiedet wara  l-ewwel konfront dirett bejn il-militar tal-Istati avversarji li seħħ il-ġimgħa l-oħra. Wara li Izrael ħareġ l-aħbar dwar id-drone li tela’ mis-Sirja u għadda minn fuq it-territorju tiegħu, il-qawwiet Iżraeljani kienu attakkaw miri tal-Iranjani fis-Sirja fejn twaqqalhom fighter-jet fost l-isparar tal-qawwiet Sirjani. Il-piloti tal-ajruplan kienu qabżu mill-ajrplan u niżlu fit-Tramuntana ta’ Iżrael.