Lokali

Uffiċjali tal-Ħabs jinsistu li l-proċess għall-promozzjoni ta’ Maġġur hu vvizzjat

Uffiċjali li jservu fil-Ħabs ta’ Kordin tkellmu ma’ il-mument u rriaffermaw il-pożizzjoni tagħhom li l-proċess skattat f’Lulju tas-sena l-oħra għall-promozzjoni ta’ Maġġuri hu wieħed ivvjazzjat bl-iskop li jinqdew numru ta’ Uffiċjali magħrufa li huma qrib ħafna tal-Partit Laburista.

Dawn l-Uffiċjali fissru kif meta f’Lulju tas-sena l-oħra l-Gvern ħareġ sejħa għall-promozzjoni ta’ Maġġuri fil-Ħabs ta’ Kordin, fost l-oħrajn, stipula li dawk interessati kien meħtieġ li jkunu ilhom jaħdmu fl-istess Ħabs għal mill-inqas sentejn. Jirriżulta li preċedentement dejjem kien jingħad li dawk li setgħu japplikaw għal tali promozzjoni ried li jkunu ilhom jaħdmu fil-Ħabs għal mill-inqas ħames snin.

Jiġifieri min japplika għal din il-promozzjoni jkollu ħames snin esperjenza ta’ xogħol fil-Ħabs. Issa qed jirriżulta li l-Gvern fassal dik is-sejħa għal din il-promozzjoni bl-iskop preċiż li dawn il-promozzjonijiet jeħduhom dawk li daħlu jaħdmu fil-Ħabs reċentement u hekk dawn se jaqbżu lil min għandu esperjenza ferm aktar minnhom.

Dawk li tkellmu ma’ il-mument komplew li r-riżultati dwar dawn il-promozzjonijiet inħarġu wara xahrejn u nofs u dak li kien suspettat li se jiġri fil-fatt seħħ għaliex Uffiċjali li ilhom jaħdmu l-Ħabs għal bosta snin baqgħu l-art filwaqt li oħrajn li daħlu ‘lbieraħ’ għaddew u ġew minn ta’ quddiem. Huma komplew li dawn il-manuvri kollha seħħew u għadhom qed iseħħu biex ikunu aġevolati ċerti Uffiċjali tal-Ħabs li mhux biss huma magħrufa għall-kulur politiku tagħhom, iżda magħrufa wkoll li jappartjenu għal ċerti klikek.

Dawk li tkellmu ma’ il-mument, qalu li Uffiċjali tal-Ħabs serji u dedikati baqgħu l-art, iżda oħrajn li ġieli naqsu mid-doveri tagħhom ġew minn ta’ quddiem f’dan il-proċess għall-promozzjoni ta’ Maġġuri. Dawn l-Uffiċjali maqbuża assiguraw lil il-mument li din l-istorja tagħhom ma waqfitx hawn għaliex jidher biċ-ċar li l-proċess hu wieħed ivvizzjat bl-iskop li jaġevola lil ċerti Uffiċjali u jwarrab oħrajn b’aktar esperjenza. Probabbli li dan il-każ se jispiċċa l-Qorti filwaqt li bħalissa, minħabba l-oġġezzjonijiet li saru quddiem il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, kollox hu ffriżat.

Iż-żjarat lit-tliet priġunieri miżmuma fil-Ħabs b’rabta mad-delitt tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fil-Bidnija f’Ottubru li għadda qed isiru wara l-5pm. Dan jistona ħafna meta l-viżti li jkollhom il-priġunieri l-oħrajn isiru qabel u mhux fil-5pm.

Intant għadha problema kbira d-droga fil-Ħabs. Sorsi li tkellmu ma’ il-mument qalu li filgħodu meta wieħed jirrapporta għax-xogħol, diffiċli li jdaħħal id-droga minħabba t-tfittxijiet li jsiru iżda matul il-ġurnata ma jsirx tiftix u dak li jkun ikun jista’ jdaħħal li jrid. “Imma iva fil-Ħabs reġa’ hemm ħafna droga u f’ċerti każi ċerti priġunieri jinnegozjawha ma’ kollegi tagħhom imbagħad il-ħlasijiet isiru barra l-ħabs billi terzi jgħaddu l-flus lil terzi oħrajn.”

Dawn l-Uffiċjali tal-Ħabs komplew li problema oħra kbira li iżda donnu ħadd ma jagħti kas tagħha hi dik tal-mowbajls. “Fil-Ħabs hemm għadd ta’ priġunieri li għandhom il-mowbajl. Jekk isiru rejds ta’ veru fiċ-ċelel u f’postijiet oħrajn żgur li jinstabu bosta. Imma probbabilment l-attitudni tat-Tmexxija tal-Ħabs hi li jħallu kollox kif inhu biex ma jinħoloqx inkwiet.”

Huma żiedu li fl-aħħar mill-aħħar ir-responsabbiltà dwar dan kollu taqa’ fuq l-Aġent Direttur Mariella Camilleri u fuq Robert Edminson li hu l-Kap tas-Sigurtà. Dak li hu interessanti dwar dawn it-tnejn hu kif ħafna drabi qajla wieħed jarahom.

Problemi oħra jirrigwarda Diviżjoni 7 fejn jinżammu priġunieri li jaħdmu. Iżda dak li qed jiġri hu li f’din id-Diviżjoni qed jinżammu wkoll priġunieri li ma għadhomx jitħallew joħorġu jaħdmu. “Anki hawnhekk qed issir diskriminazzjoni sfaċċata bejn priġunieri li jitħallew joħorġu jaħdmu u oħrajn li bi skuża jew oħra ma jitħallewx joħorġu jaħdmu.

“Għax anki fuq livell ta’ dixxiplina, min jonqos mod jingħata kastig mod jew xejn, imbagħad ħaddieħor għall-istess nuqqas jingħata kastig kompletament differenti. Skont min ikun il-priġunier.”

Huma komplew li llum ma jieħdu xejn bi kbir f’dan ir-rigward għaliex anki diskriminazzjoni sfaċċata bejn l-Uffiċjali tal-Ħabs issir. “Hemm min joħroġ biex jixtri u jagħmel ħames sigħat barra. Hemm tliet xufiera mbagħad xogħol konness ma’ xi kumpanija jsir minn Uffiċjali oħrajn. Hemm min jabbuża u jidħol tard għax-xogħol u ma jiġri xejn. Hemm min għax jidħol minuta tard issir inkjesta sħiħa u storbju sħiħ. Skont min int. Hemm min jagħżel hu x’sahra jagħmel, fejn u meta…”

Dawn l-Uffiċjali tal-Ħabs temmew li mbagħad l-agħar ħaġa fuq dan kollu hi l-indħil minn terzi fil-Ministeru tal-Intern.

Tags