Futbol Sport

Valletta F.C jistiednu liċ-Chairman ta’ Valletta 2018 biex jippubblika l-invit tal-istedina għat-tournament tal-V18

Il-klabb tal-Kampjonat Premier Valletta F.C ċaħad kategorikament li l-klabb kien uffiċjalment mistieden biex jipparteċipa fit-tournament internazzjonali tal-Valletta 2018, li jifforma parti mill-attivitajiet biex jiċċelebraw il-Belt Valletta bħala l-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura.

Fi stqarrija, il-kumitat ta’ Valletta qal li rċieva l-aħbar tat-tournament mill-aħbarijiet tal-istazzjon nazzjonali. Wara li wrew id-diżappunt tagħhom, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Valletta 2018 Deo Debattista, qal li Valletta kienu rċevew invit informali biex jieħdu sehem f’dan it-tournament li kien diġà beda jintlagħab, b’Valletta jirrifjutaw li jieħdu sehem.

L-istqarrija kompliet tgħid li għal Valletta F.C hu ta’ dispjaċir li kellhom jirrikorru għal stqarrija uffiċjali. Huma sostnew li dan sar inevitabbli wara dak li sejħu numru ta’ allegazzjonijiet foloz fil-konfront tal-klabb.

Il-klabb stieden kordjalment biex dawk li qed jgħidu l-kuntrarju, b’referenza għaċ-Chairman ta’ Valletta 18 Jason Micallef, jippubblika l-invit formali li allegatament intbagħat lil Valletta F.C biex jipparteċipaw f’dan it-tournament.