Lokali

Vitals Global Healthcare hi teknikament ‘kumpanija falluta’

Minkejja li l-Gvern taha aktar minn €50 miljun ewro biex tieħu f’idejha tliet sptarijiet, spiċċat f’sitwazzjoni finanzjarja diżastruża

Il-kumpanija Vitals Global Healthcare, li l-Gvern taha aktar minn €50 miljun ewro biex tieħu f’idejha tliet sptarijiet, spiċċat f’sitwazzjoni finanzjarja diżastruża. Dan hekk kif il-gazzetta The Sunday Times of Malta żvelat li akkumulat djun ta’ aktar minn €55 miljun ewro.

Sorsi li huma involuti fin-negozjati tal-bejgħ tal-isptartijiet bejn Vitals Global Health Care u l-kumpanija Amerikana li se tixtri, Stewart Health Care, tkellmu ma’ din il-gazzetta qalu li fuq il-kotba finanzjarji Vitals illum saret lanqas tiswa karlin, u teknikament il-kumpanija hi falluta.

Il-gazzetta The Sunday of Malta talbet lil Vitals biex tiddikjara l-valur tagħha fuq il-kotba finanzjarji u tagħti lista ta’ investimenti li għamlet fl-isptar Karen Grech, San Luqa, u l-isptar Ġenerali ta’ Għawdex – fejn 18-il xahar ilu ħadet il-pussess tagħhom għal tletin sena f’deal b’valur ta’ €2.1 biljun ewro. Madanakollu, l-artiklu jistqarr li l-kelliema ma bagħtet l-ebda risposta lura għal din it-talba.

Il-kumpanija Vitals spiċċat f’din is-sitwazzjoni, minkejja li ingħatat aktar minn €50 miljun ewro f’fondi mill-flus tal-poplu Malti f’dawn il-ftit xhur li ilha topera l-isptarijiet. L-artiklu jistqarr li l-kumpanjia Vitals Global Healthcare falliet milli tassigura investiment minn barra minn Malta biex tkun tista’ ssostni u tiffinanzja l-operat tal-isptarijiet. U għalhekk – l-unika soluzzjoni hi li tbiegħ kollox lill-kumpanija oħra, f’dan il-każ lill-kumpanija Amerikana Stewart Health Care.

Din il-kumpanija prospettiva l-ġdida Stewart, li se tieħu f’idejha t-tliet sptarijiet, hi mmexxija mill-eks CEO ta’ Vitals Armin Ernst – fejn Stewart Health Care se tassorbi d-djun kollha li ġarrbet Vitals tul is-snin, li jammontaw għal aktar minn €55 miljun ewro.

Ġimgħatejn ilu, l-Gvern ta’ Joseph Muscat ħabbar li Vitals u Stewart kienu waslu fi ftehim dwar il-bejgħ tal-isptarijiet bejniethom – iżda wara sar magħruf li dan mhux minnu, hekk kif  Vitals qalu li n-negozjati għadhom għaddejjin.