Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, widdeb lill-FBI talli ‘naqset milli tinduna bil-periklu’ qabel il-massakru, jiem ilu, li wettaq student armat fi skola ta’ Florida, fejn ħalla 17 mejtin – studenti u għalliema.
Trump sostna li l-aġenzija tas-sigurtà ‘kienet qed taħli wisq ħin biex tipprova turi li kien hemm kollaborazzjoni bejn ir-Russja u l-kampanja elettorali tiegħu (Trump) waqt l-elezzjoni tal-2016 għall-Presidenza Amerikana’. Il-Mexxej Amerikan, intant, qal li ‘dan mhux aċċettabbli’ u sostna mill-ġdid ‘li l-allegata kollaborazzjoni ma’ Moska hija ħrafa’. Il-President – li qed jiċħad kull rabta mar-Russja — imbagħad ħeġġeġ lill-FBI ‘biex tiddedika l-impenji għax-xogħol bażiku tagħha’.
L-FBI ammettiet li naqset milli tieħu azzjoni rigward informazzjoni li rċeviet qabel dwar Nikolas Cruz, il-qattiel tal-massa fl-iskola ta’ Parkland, fi Florida. Cruz ammetta li wettaq l-attakk — l-aktar sparatura qattiela fi skola Amerikana mill-2012 ‘il hawn – meta llum ħa spinta d-dibattitu dwar jekk l-Istati Uniti għandhiex tintroduċi restrizzjonijiet ħafna aktar iebsa għall-armi.
Intant, l-istudenti li għexu mill-isparatura fl-iskola ta’ Florida, ingħaqdu biex jinsistu għal regoli aktar stretti għall-kontroll tal-armi tan-nar. Huma kritikaw lill-President Trump talli aċċetta appoġġ finanzjarju mingħand in-National Rifle Association (NRA) waqt il-kampanja presidenzjali.
//= $special ?>


