Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Latvja, Ilmars Rimsevics, spiċċa arrestat mill-aġenzija tal-pajjiż għal kontra l-korruzzjoni, b’dan jikkonfermah l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, fil-kapitali Riga.
Il-Prim Ministru tal-Latvja, Maris Kucinskis, sostna li ‘il-Bureau għall-Eliminazzjoni tal-Korruzzjoni ħa dan il-pass deċiżiv fil-konfront ta’ Rimsevics’ wara li saret tfittxija intensiva fid-dar u l-uffiċċju tal-Gvernatur barra l-kapitali.L-arrest tal-Gvernatur sar fis-sigħat bikrin tal-Ħadd meta l-osservatur nazzjonali għal kontra l-korruzzjoni qiegħed imexxi investigazzjoni ġdida dwar tixħim fl-ogħla istituzzjonijiet tal-pajjiż.
Kucinskis, fil-lejl tas-Sibt, kien irritorna f’Riga minn żjara barra l-pajjiż, bl-avukat tiegħu, imbagħad, jieħdu fl-uffiċċju tal-Bureau fejn kellu jgħaddi minn tmien sigħat ta’ interrogazzjoni.
Rapporti oħra qalu li Maris Martinsons, negozjant li hu involut f’diversi negozji — inklużi entitajiet fis-settur tal-kostruzzjoni u oħrajn għas-self ta’ flus — ukoll spiċċa arrestat b’konnessjoni mal-investigazzjoni, li jingħad qed tikkonċentra fuq suspettati każi ta’ ‘korruzzjoni organizzata’.
La l-kelliema għal dan il-Bureau u lanqas l-avukat tal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Latvja ma ħarġu stqarrijiet għall-istampa.
Dan fost rapporti li l-investigazzjoni ġdida qed tipprova tikxef każi tal-korruzzjoni u impenji għal rikatt u tixħim fuq livell organizzat.
L-investigaturi jissuspettaw li grupp kriminali organizzat li ilu jaħdem għal żmien fil-Latvja qiegħed juża l-influwenza politika tal-membri tiegħu f’impenji għal tixħim. Ingħad ukoll li l-kriminali qegħdin jikkonċentraw, fost oħrajn, fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ekonomija tal-Latvja, Arvils Aseradens, ikkummenta, ilbieraħ, li l-arrest ta’ Rimsevics jimponi s-sogri serji għar-reputazzjoni internazzjonali tal-Latvja.
Arrestat il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Latvja minħabba korruzzjoni


