Lokali

“Ġejt naqdi d-dover tiegħi f’isem il-poplu Malti” – David Casa

“Ġejt naqdi d-dover tiegħi f’isem il-poplu Malti.” Dan kien il-kumment tal-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa quddiem il-Qorti.

David Casa daħal għand il-Maġistrat Aaron Bugeja għall-ħabta tad-8.45a.m. u dam madwar siegħa u nofs. Hu qal li l-Maġistrat rabtu bis-sigriet u għaldaqstant ma jistax jikkummenta dwar dak li ingħad.

L-Ewroparlamentari kellu jgħaddi lill-Maġistrat rapport tal-FIAU dwar ħasil ta’ flus u korruzzjoni.

Il-Maġistrat Aaron Bugeja għaddej bl-inkjesta dwar l-allegazzjonijiet marbuta mal-kumpanija Egrant kif ukoll numru ta’ allegazzjonijiet li qed iduru madwar il-Bank Pilatus. F’April li għadda, Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru, kienet issemmiet bħala s-sid ta’ din il-kumpanija li twaqqfet flimkien ma’ żewġ kumpaniji oħra fil-Panama, Hearnville u Tillgate, li kienu f’isem il-Ministru Konrad Mizzi u Keith Schembri rispettivament.

David Casa tenna li hu għandu fiduċja fil-Qrati, fil-Maġistrat inkwerenti u l-inkjesta li qed imexxi bħalissa.

Mhux l-istess jista’ jingħad għall-Kummissarju tal-Pulizija fejn Casa sostna li m’għandux fiduċja fih u jinsab inkwetat f’din is-sitwazzjoni fejn istituzzjonijiet demokratiċi qegħdin fi stat dgħajjef.

L-Ewroparlamentari kien assistit mill-avukat Jason Azzopardi.