Studenti fl-Università ta’ Malta tkellmu ma’ NetNews dwar sitwazzjoni ta’ paniku relatata mas-saħħa tal-istudent. Dalgħodu studenta li kienet waqt lekċer intilfet minn sensiha għall-perjodu twil, bl-ambulanza minn Mater Dei għall-Università ddum biex tasal nofs siegħa, jipparkjaw ‘il bogħod u ma jniżlux l-apparat kollu meħtieġ biex jassistu. Dan f’waqt li l-istudenta kienet qegħda f’riskju li titlef ħajjitha.
Dawk li tkellmu magħna li raw dan l-episodju, li għal ħafna kien wieħed ta’ sorpriża, qalulna li x’ħin l-istudenta ntilfet minn sensiha l-lettur ċempel minnufih għall-emerġenza. Huma qalulna li jinsabu urtati bis-sitwazzjoni li l-ħabiba tagħhom ma rċevietx il-kura mill-aktar fis, bl-ambulanza ddum tletin minuta biex tasal mill-isptar għall-Universitá. Wieħed qalilna li ma jistax jifhem kif bil-pass mill-Università għall-Isptar tagħmilha f’ħames minuti filwaqt li l-ambulanza damet biex tiġi nofs siegħa.
Huwa saħaq ma’ NetNews li huma mhux biss damu nofs siegħa biex ġew imma meta waslu lanqas ħadu l-parir tal-istudenti li kienu qegħdin barra jistennew, biex jipparkjaw viċin. Dawn iżda għamlu ta’ rashom u pparkjaw ‘il bogħod. “Ħabba f’hekk biex it-tfajla li kienet tinstab mitlufa minn sensiha damet kważi 50 minuta mingħajr attenzjoni medika”. Dan b’riskju fuq ħajjitha.
M’hemmx biżejjed ambulanzi
Fl-aħħar ħin kelmuna ħaddiema li jaħdmu mal-ambulanzi dwar ċirkustanzi bħal dawn fejn fost l-oħrajn qalulna li l-problema ewlenija f’dawn il-każijiet hija li hemm nuqqas ta’ ambulanzi biex jagħmlu jipprovdu s-servizz u jkunu fil-ħin.
//= $special ?>