Lokali Parlament

Għandu jkun assigurat li l-liġi dwar il-produzzjoni tal-kannabis mediċinali ma tkunx ta’ detriment għas-soċjetà

– Robert Cutajar, PN

Id-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar qal li l-abbozz ta’ liġi dwar il-produzzjoni tal-kannabis għal skopijiet mediċinali tħalli dubju u għalhekk l-Oppożizzjoni trid tassigura li din il-liġi ma tkunx ta’ detriment għas-soċjetà u għall-pajjiż.

Meta kien qed jitkellem fil-parlament fid-dibattu dwar il-liġi dwar il-produzzjoni tal-kannabis għal skopijiet meiċinali, Robert Cutajar qal li din hi liġi li daħlet b’ċertu għaġġla fejn il-Prim Ministru stesss tkellem minn qabel qisu din il-liġi diġà għaddiet. Il-Caritas ħarġet dokument li jitratta l-produzzjoni tal-kannabis li fih espremiet dubju li dan l-abbozz jista’ joħloq dwar din il-produzzjoni.

Għandu jkun hemm kunsiderazzjonijiet partikolari anki dwar il-kultivazzjoni għaliex il-Prim Ministru ħalla d-dubju wara li ma eskludiex il-possibbiltà li jkun hemm xi forma ta’ kultivazzjoni fil-pajjiż. Il-Gvern għandu jispeċifika d-due diligence tal-investitur li hu interessat li jinvesti f’dan is-settur ġdid. Il-Gvern għandu jagħti garanzija dwar l-użu tal-art.

Robert Cutajar kompla li l-Gvern għandu jagħti garanzija oħra li l-aspett rikreattiv qed jitħalla barra għal kollox minn din il-liġi.