Lokali Parlament

Il-kultivazzjoni tal-kannabis għandna tkun imdawra minn sigurtà stretta

– David Stellini, PN

Il-kultivazzjoni tal-kannabis għandha tkun sigurà biex ma jkunx hemm serq li jista’ jwassal għal traffikar tal-kannabis. Dan l-aspett għandu jkun inkluż fil-liġi.

Dan sostnih id-deputat Nazzjonalista David Stellini meta tkellem fil-parlament fejn qal li l-Prim Ministru ddikjara li hu favur l-użu tal-kannabis rikreattiv f’Malta u li se jsir dibattitu dwar dan. Bir-raġun il-poplu jiddiskuti jekk din il-liġi dwar l-użu tal-kannabis mediċinali hix il-bidu għall-użu tal-kannabis rikreattiv.

Dan minħabba li l-mod kif il-kannabis rikreattva u dik mediċinali tkun distribwita hi l-istess. Il-liġi għandha tiċċara li l-faċilitjiet għall-kannabis mediċinali ma jintużawx għall-produzzjoni u l-kultivazzjoni tal-kannabis rikreattivi.

David Stellini appella għall-attenzjoni min-naħa tal-politiċi fil-mod kif jitkellmu u għandu jintwera rispett lejn in-nies li jieħdu d-drogi għaliex anki dawn in-nies jistħoqqilhom kull dinjità minħabba li dawn ikunu f’sitwazzjoni vulnerabbli.

Kull tip ta’ politika dwar droga id-diskussjoni għandha ssir b’mod ħolisitu kemm jista’ jkun u ma jkunx jiffoka biss fuq l-aspett industrijali. Għandha ssir konusltazzjoni mal-vittmi tad-droga, mal-edukaturi, mat-tobba, mas-social workers, mal-pulizija u mal-komunità. Din il-konsultazzjoni għandha ssir b’mod intens meta d-diskussjoni titratta l-kannabis rikreattiva.

L-għan aħħari tal-liġi m’għandux ikun biss l-impjiegi li se jinħolqu jew kemm se jinġieb investiment. Għandu jsir studju tal-impatt ta’ din l-industrija anki mill-aspett ambjentali. L-Awtorità tas-Saħħa għandu jkollha rwol superviżjoru mhux biss fl-istadju tal-liċenzji iżad mill-kultivazzjoni sal-esportazzjoni.

L-Oppożizzjoni taqbel mnal-idea ta’ ċentru ta’ żvilupp u riċerka iżda qed tistaqi jekk il-produzzjoni tal-kannabis għandhiex issir f’Malta.