“Il-poplu jrid li fis-saħħa ma jkunx hemm qerq. Il-Ministru Edward Scicluna u l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne jafu li l-Ministru Konrad Mizzi żbalja”. Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervista fuq il-programm Net Live wara li iktar kmieni llum hu fetaħ kawża sabiex il-kuntratt li bih l-isptarijiet pubbliċi ingħataw lill-kumpanija Vitals jiġi dikjarat null u l-isptarijiet jiġu lura f’idejn il-poplu.
Adrian Delia qal li l-Vitals, li għadna sal-lum ma nafux min hemm warajha, fallew, iżda l-Gvern baqa’ gallarija. “Dak li m’għamilx il-Gvern qed nippruvaw nagħmluh aħna,” tenna l-Kap tal-PN.
Kompla li wara li Vitals fallew mill-obbligi tagħhom, il-Gvern seta’ jieħu l-isptarijiet lura. “Minflok, webbes rasu u baqa’ għaddej għax għandu x’jaħbi,” qal Adrian Delia.
Mistoqsi dwar l-istqarrija tal-Gvern, Adrian Delia wieġeb li din l-istqarrija hi ammissjoni li l-Gvern falla. Hu qal li l-Oppożizzjoni mhux kontra l-investiment. Tant hu hekk li l-kawża saret kontra l-Prim Ministru, il-Gvern u Vitals.
“Wara li falla, il-Gvern issa qed jistenna alternattiva mingħandna. Lill-Gvern ngħidlu, jekk dawk li għażilt fallew, ġib l-art u l-propjeta’ lura u minn hemm lesti li niddiskutu t-triq ‘il quddiem,” sostna l-Kap tal-PN.
Fakkar li kuntrarju għal dak li jgħid il-Gvern, kienu Gvernijiet Nazzjonalisti li għamlu l-ikbar investimenti li qatt saru fil-qasam tas-saħħa.
//= $special ?>