Sport Sport Ieħor

Jibda l-Kampjonat Ewropew tal-Eight Ball Pool

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport Ryan Callus flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima fil-ftuħ tal-Kampjonat Ewropew

Ilbieraħ għas-seba’ darba beda uffiċjalment il-Kampjonat Ewropew tal-Eight Ball Pool organizzat mill-Malta Pool Association.

F’dan il-Kampjonat Ewropew li jintemm il-Ġimgħa, qed jieħdu sehem 500 plejer minn 12-il pajjiż differenti li ġejjin mill-Belġju, Ċipru, Franza, l-Ingilterra, ir-Repubblika tal-Irlanda, l-Irlanda ta’ Fuq, il-Portugall, l-Iskozja, Wales, Channel Islands u l-Marokk flimkien ma’ pajjiżna.

Pajjiżna se jkollu 42 plejer li se jieħdu sehem fi tmien kategoriji differenti. Dawn jinkludu tliet kategoriji tal-irġiel seniors, ta’ taħt it-18-il sena, żewġ timijiet ta’ 23 sena u żewġ timijiet ta’ fuq il-50 sena.

F’dawn il-kampjonati, Malta rebħet il-kategorija tal-irġiel tliet darbiet fis-snin 2002, 2008 u 2013, apparti suċċess f’kategoriji oħra. Fis-sezzjoni individwali, Anton Cuschieri se jkun qed jiddefendi l-kampjonat li rebaħ sena ilu fl-Ingilterra.

Preżenti għal ftuħ flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima, kien hemm il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport Ryan Callus.