Lokali Turiżmu

L-Air Malta żżid erba’ rotot lejn Sqallija, Sardinja u l-Ingilterra

Dan tħabbar f'konferenza tal-aħbarijiet tal-Air Malta

L-Air Malta se tintroduċi erba’ rotot ġodda, li jgħaqqdu lil Malta ma’ London Southend, Sardinja u Sqallija. F’konferenza tal-aħbarijiet, ic-Chairman tal-linja nazzjonali tal-ajru Maltija Charles Mangion u l-Kap Kummerċjali Paul Sies ħabbru li mill-4 ta’ Mejju se jibdew żewġ rotot ġodda minn Malta, dawk li se jgħaqqdu lil Malta ma’ London Southend u Cagliari, u żewġ titijiriet oħra diretti li jgħaqqdu lil Londra Southend mal-ajruporti ta’ Cagliari u Catania.

It-titjiriet minn Malta għal London Southend se jibdew jiswew minn €39 mingħajr ritorn. Biex wieħed jivjaġġa miċ-ċentru tal-belt ta’ Londra għal dan l-ajruport ta’ London Southend li jinsab barra mill-belt, tieħu madwar siegħa bil-ferrovija. Għal din il-konferenza tal-aħbarijiet attenda is-CEO tal-ajruport Ingliż Glyn Jones – qal li dan l-ajruport hu wieħed relattivament ġdid hekk kif inbena għall-Olimpijadi tal-2012. It-titjiriet minn Malta se joperaw nhar ta’ Tlieta, Ġimgħa u s-Sibt.

 

Ukoll attendew Alberto Scanu u David Crognaletti li rrapreżentaw lill-ajurport ta’ Cagliari f’Sardinja. Dawn stqarru li huma ħerqana biex jipprovdu servizz tajjeb lill-passiġġieri – u dan filwaqt li jippromwovu lil Sardinja bħala post li żżuru matul is-sena kollha. Lejn Cagliari, l-Air Malta se taħdem l-Erbgħa u l-Ħadd.

L-Air Malta se tibda topera b’10 ajrupani.