Malta ingħatat premju għall-aħjar destinazzjoni għal scuba diving waqt fiera ewlenija li titratta attivitajiet sportivi marbuta mal-baħar. Il-fiera BOOT saret fl-aħħar ta’ Jannar f’Dusseldorf, il-Ġermanja.
Rappreżentanti minn Taucher.net, l-ikbar sit elettroniku għall-bugħaddasa, ipparteċipaw għall-ewwel darba f’din iċ-ċerimonja u preżetaw il-premju lil rappreżentanti tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. L-editur ta’ Taucher.net, Armin Süss, ippreżenta l-premju lil Michaela Hempel, li hija bbażata fi Frankfurt, fejn taqdi r-rwol ta’ Senior Marketing Executive għall-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
Waqt l-għoti tal-premijiet, intqal li l-gżejjer Maltin intgħażlu għax jissodisfaw kull aspett relatat mal-ħtiġijiet tal-komunità tal-għadis. Ir-rwol ta’ Malta f’dan l-isport kien deskritt bħala eċitanti, pożittiv, u pijunier.
Fi stqarrija l-MTA qalet li l-attivitajiet sportivi għandhom ir-rwol importanti ħafna biex il-gżejjer Maltin inaqqsu problem ta’ staġjonalità, għaliex ħafna minnhom jistgħu jsiru tul is-sena kollha. Il-Kap Eżekuttiva tal-MTA, is-sur Paul Bugeja, ikkumenta fuq l-importanza ta’ dan il-premju prestiġġjuż. Qal li huwa unur għall-gżejjer Maltin li jirċievu dan il-premju, li joffri aktar opportunità biex Malta turi dak li kapaċi toffri.
//= $special ?>