Lokali

In-nirien u d-dħaħen li ħasdu l-ħajja ta’ Gordon bdew minn heater

Il-heater kienet tinsab f'kamra tas-sodda f'appartament fir-raba' sular

It-traġedija li seħħet ilbieraħ filgħodu, u li ħadet il-ħajja ta’ Gordon Spiteri li bela’ d-duħħan tan-nirien fl-appartament tal-ġirien li prova jsalva, aktarx ġiet ikkawżata minn heater.

Kien għall-ħabta tal-5.30 ta’ filgħodu meta appartament f’binja f’Marsaskala ħa n-nar f’kamra tas-sodda. Jidher li heater tal-elettriku ħadet in-nar, bil-konsegwenza li l-kamra tas-sodda u l-kumplament tal-appartament fir-raba’ sular tal-blokka sofrew ħsara kbira. Sorsi infurmaw lil NET News li l-bqija tal-appartamenti l-oħra wkoll sofrew ħsara minħabba n-nirien qawwija.

Nies li kienu xhieda fuq il-post tkellmu ma’ NET News mumenti wara li seħħ l-inċident li ħasad il-ħajja ta’ Gordon Spiteri, qalu li Gordon prova jsalva żewġ tfajliet li kienu joqgħodu f’dan l-appartament li minnu beda n-nar – iżda hemmhekk hu nqabad fin-nirien u d-dħaħen, u minħabba li bela’ ħafna duħħan intilef minn sensieh fil-komun tal-binja. Wara li daħlu membri tal-protezzjoni ċivili fil-binja waqt li n-nirien għadhom qed jieħdu, Gordon ittieħed l-isptar Mater Dei fejn hemmhekk ġie ċċertifikat mejjet.

Fi stqarrija tal-Pulizija, sar magħruf ukoll kif li żewġ uffiċjali li waslu l-ewwel fuq il-post semgħu lil raġel jgħajjat li ma jistax joħroġ, għax inqabad fin-nirien. Dawn il-Pulizija, wara diversi tentattivi sabiex jippruvaw jitilgħu, minħabba l-ammont ta’ duħħan li kien hemm, ma kellhomx għazla oħra ħlief li joħorgu mill-post. Dan waqt li membri mis-sezzjoni tar-Rapid Intervention Unit assistew lil familja b’tifel ta’ sentejn li nqabdet fuq il-bejt u tniżżlu minn blokka fil-vicin.

Aqra aktar dwar dak li seħħ hawnhekk:

Eroj: Jidħol isalva lill-ġirien min-nar u jmut bid-duħħan, l-għada t’għeluq sninu

“Kompli hu ħsiebi kif dejjem għamilt” – Oħt Gordon Spiteri