Lokali Parlament

Rapport dwar siti ta’ Demanju Pubbliku jintbagħat lura għal reviżjoni

Jingħad li ma ingħatatx informazzjoni korretta mill-Awtorità tal-Artijiet 

Rapport imhejji mill-Awtorità tal-Ippjanar li jindika liema huma s-siti ta’ Demanju Pubbliku kellu jerġa’ jintbagħat lura sabiex l-Awtorità tal-Ippjanar terġa’ tirrevedi r-rapport flimkien mal-Awtorità tal-Artijiet.

Waqt laqgħa tal-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent intqal li f’numru ta’ każijiet l-Awtorità tal-Ippjanar ma rċevietx informazzjoni korretta min-naħa tal-Awtorità tal-Artijiet.

Dan wassal lic-Chairman tal-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent id-Deputat Alex Muscat biex jitlob li r-rapport jerġa’ jmur lura għall-Awtorità tal-Ippjanar biex isiru l-verifiki meħtieġa biex jingħata rapport finali.

Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi ssuġġerixxa li biex ma jinħeliex żmien, siti fejn ma hemm l-ebda kontestazzjoni għandhom jiġu kkonfermati bħala siti ta’ demanju pubbliku. Madanakollu din il-proposta ma ntlaqgħatx miċ-Chairman tal-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent li qal li r-rapport għandu jiġi kkonfermat fil-mod intier tiegħu u mhux biċċa biċċa.

Id-Deputat Godfrey Farrugia wissa li jista’ jkun hemm min jinkludi artijiet fejn jista’ jkun hemm kontestazzjoni sabiex jintilef iż-żmien u dan ikompli jtawwal il-proċess sabiex siti jkunu ddikkjarati bħala siti ta’ demanju pubbliku.

Id-Deputat Jason Azzopardi sostna li dan se jwassal biex jinħela ħafna ħin sakemm terġa’ ssir ir-reviżjoni bil-kumitat jaqbel li għandhom isiru aġġoramenti dwar din ir-reviżjoni.