Formula 1 Sport

Ta’ liema tim hi din il-karozza tal-Formula 1?

Il-karozza ta' din is-sena ta' Aston Martin Red Bull Racing
Il-kuluri tal-karozza hi edizzjoni speċjali

Red Bull żvelaw l-ewwel ritratti tal-karozza ta’ dan l-istaġun bit-tama li jerġgħu jkunu fost l-aqwa timijiet fil-Formula 1. Il-karozza bl-isem ta’ RB14 tnediet f’dik li qed tissejjaħ bħala edizzjoni speċjali minħabba l-kuluri, u se tkun żvelata uffiċjalment meta jibdew it-testijiet fiċ-ċirkwit ta’ Katalunja l-ġimgħa d-dieħla. Il-kulur il-ġdid tal-karozza jidher li niżel tajjeb mal-partitarji fuq il-media soċjali.

Il-karozza RB14 hi t-tielet karozza żvelata għall-istaġun il-ġdid iżda hi l-ewwel waħda li mistennija tisfida għar-rebħ tat-tiġrijiet. Għal dan l-istaġun, Red Bull se jerġa’ jkollhom il-koppja Max Verstappen u Daniel Ricciardo bħala s-sewwieqa tagħhom, bit-tnejn qed jittamaw li jirbħu l-ewwel Kampjonat tas-Sewwieqa din is-sena.

Magħrufa bħala wieħed mill-benefatturi fir-regoli riċenti tal-aerodynamics, Red Bull kellhom bidu ta’ staġun diżappuntanti u kienu madwar nofs sekonda lura fil-konfront ta’ Mercedes u Ferrari fil-bidu. Iżda żvilupp fit-tieni parti tal-istaġun wassal biex Red Bull rebħu żewġ tiġrijiet mill-aħħar sitta.

Aston Martin ħadu d-drittijiet tat-titlu tat-tim, hekk kif hu meqjus li dan hu l-ewwel pass biex il-kumpanija Britannika tifrex aktar fil-Formula 1, b’possibbiltà li tibda tipproduċi l-magni fl-2021 meta r-regoli tal-power unit jinbidel.

Il-mira ta’ Red Bull din is-sena se jkun li jilħqu lil Mercedes u Ferrari. Ħafna jiddependi mill-progress tal-produtturi tal-magni tagħhom Renault, li fl-aħħar snin kellhom relazzjoni turbulenti flimkien. Il-kuntratt bejn it-tnejn jiskadi fi tmiem din is-sena.

Fl-istorja tagħhom, Red Bull rebħu erba’ kampjonati konsekuttivi tas-sewwieqa u l-kostrutturi bejn l-2010 u l-2013, iżda fl-era hybrid għadhom iridu jilħqu l-istes suċċess, fejn rebħu biss tmien tiġrijiet.