Kontra kull mistenni, l-liders tal-Premiership u t-tim li jinsab b’sieq fil-fażi tal-aħħar tmienja taċ-Champions League, Manchester City, sfaw eliminati mill-ħames rawnd tal-FA Cup b’telfa ta’ 1-0 barra minn darhom kontra tim li jilgħab f’League One, dak ta’ Wigan.
Ta’ min jgħid li s-Citizens kellhom jilagħbu t-tieni taqsima kollha b’raġel inqas wara li tkeċċa Delph imma bla dubju dan ma jiġġustifikax il-fatt li dawn ġew eliminati kontra tim ferm inferjuri minnhom.
Eżatt wara t-tkeċċija ta’ Delph ir-referee saffar tmiem l-ewwel taqsima u kien hawn fejn il-managers taż-żewġ timijiet, Guardiola u Cook, argumentaw ma’ xulxin u kellhom jiġu mferrqa.
Sa hawn l-iskor kien dak ta’ 0-0 u minkejja li kienu City li ddominaw il-konfront il-gowl li ddeċieda l-konfront wasal fid-79 minuta u kien skurjat minn Wigan. Dan meta GRIGG għeleb lill-gowlkiper Bravo b’xutt mill-isbaħ.
Minn hawn ‘il quddiem Wigan iddefendew bi qlubija kbira sat-tmiem biex eliminaw lil Man City, tim li issa, b’din it-telfa, tilef iċ-ċans li jirbaħ il-‘Quadruple’.
Għal Wigan din ir-rebħa fakkret lil ħafna fir-rebħa li kienu kisbu fil-finali tal-FA Cup tal-2013 kontra l-istess Man City. Wigan issa jmisshom jilagħbu kontra Southampton fil-kwarti tal-finali.
//= $special ?>