Lokali

AĠĠORNATA: Jinfetaħ mill-ġdid l-Ajruport wara li kienu posposti diversi titjiriet

Ir-rottot tal-ajurplani fil-ħin li l-ajruport kien magħluq
Numru ta' titjiriet ġew ittardjati, filwaqt li hemm passiġġiera li qed jinżammu abbord l-ajruplan

Wara li xi nirien ħakmu ż-żona tal-wasliet ikkawżati mill-pompa tal-akkwarju fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, bil-pubbliku u l-ħaddiema jiġu evakwati mill-Ajruport – numru ta’ ajruplani li kienu ġejjin Malta kellhom jitniżżlu f’ajruporti oħra fil-viċin, filwaqt li passiġġiera li kienu għadhom kif waslu Malta qegħdin jinżammu fuq l-ajruplan fuq il-mitjar.

Intant, il-passiġġiera li jridu jitilgħu abbord l-ajruplani kienu qed jittieħdu lejn id-direzzjoni ta’ Skyparks.

Sadattant dan wassal ukoll għal dewmien kemm f’titjiriet li kellhom jitilqu minn pajjiżna. Fost l-oħrajn ittardjaw titjiriet lejn Stokkolma, Larnaca/Dubaj u Gatwick, waqt li ttardja wkoll l-inżul tat-titjiriet mill-Polonja u Amsterdam. Ara l-iskeda tal-ittardjar tat-titjiriet hawnhekk:

Ajruplan li kien ġej minn Gatwick f’Londra dam għal xi minuti jdur ftit ‘il barra fuq il-baħar, bit-tama li jirċieivi l-permess biex jinżel Malta – iżda madanakollu dan intbagħat lura u kellu jinżel fl-ajruport ta’ Katanja fi Sqallija.

L-ajruplan ġej minn Gatwick li dar lejn l-ajruport ta’ Katanja

Ritratti li waslu għand NET News juru wkoll kif hemm diversi passiġġiera li qed jinżammu abbord l-ajruplan fuq il-mitjar. Dan minħabba li bħalissa jkunu qegħdin isiru xi proċeduri biex jassiguraw li m’għadx fadal periklu għall-persuni kollha li jridu jaċċessaw l-ajruport. Fir-ritratt jidher kif il-mitjar jinsab evakwat ukoll. Dan hu ritratt li li bagħtilna passiġġier minfuq l-ajruplan li wasal Malta minn Vjenna fl-Awstrija:

Ajurplan ieħor li kien ġej minn Krakow fil-Polonja ukoll, kellu jdur lura. Madanakollu kif jidher hawn taħt, dan kien qiegħed idur fuq Sqallija sakemm irċieva l-permess biex jinżel ukoll fl-ajruport ta’ Katanja:

L-istess ġara fir-rigward tal-ajruplan li kien ġej minn Bucharest fir-Rumanija, li intbagħat lejn Katanja:

Wara li l-ħidma tal-ajruport kienet sospiża bejn is-13:45 u l-15:45, issa l-iskeda tat-titjiriet qed tirritorna għan-normal waqt li nħatret inkjesta dwar dan il-każ.

Aqra aktar hawn dwar x’ikkawża n-nirien:

RITRATTI U FILMAT: Evakwazzjoni wara nirien fl-ajruport – jittardjaw diversi titjiriet