Edukazzjoni Lokali

BirdLife Malta u l-MCAST jiffirmaw ftehim biex ikomplu jsaħħu s-sħubija ta’ bejniethom

Impenn komuni biex jgħinu lill-istudenti jiżviluppaw l-għarfien prattiku tagħhom dwar l-ambjent

Illum, BirdLife Malta u l-Kulleġġ Malti tal-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST) iffirmaw ftehim (Memorandum of Understanding, MOU) immirat biex isaħħaħ ilkollaborazzjoni ta’ bejniethom bil-għan li ż-żewġ organizzazzjonijiet ikunu f’pożizzjoni li jiżviluppaw l-għarfien prattiku tal-istudenti dwar l-ambjent.

L-iffirmar uffiċjali tal-ftehim sar fil-kampus prinċipali tal-MCAST f’Raħal Ġdid. L-MoU kien iffirmat mill-President tal-Bord tal-Gvernaturi tal-MCAST Silvio De Bono f’isem il-Kulleġġ u mill-President ta’ BirdLife Malta Darryl Grima f’isem BirdLife Malta.

Preżenti wkoll kien hemm il-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST Stephen Cachia, il-Viċi-Prinċipal tal-MCAST l-Inġinier Vincent Maione u l-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana flimkiem mal-Education Manager ta’ BirdLife Malta Sarah Brady.

Dan il-ftehim juri l-impenn komuni taż-żewġ entitajiet li jipprovdu opportunitajiet edukattivi lill-istudenti biex jirrelataw aktar man-natura, bil-ħsieb li pajjiżna jkompli jrawwem ġenerazzjoni ġdida b’kuxjenza ambjentali.

BirdLife Malta u l-MCAST diġà kkollaboraw flimkien fil-passat u qasmu l-esperjenza u l-għarfien tagħhom biex jipprovdu inizjattivi effettivi għaż-żgħażagħ, inkluż permezz tal-proġett Lifelong Learning through Nature li ntemm b’suċċess f’Awwissu li għadda. Dan apparti l-field trips għall-istudenti li għadhom isiru sallum.

Il-President ta’ BirdLife Malta Darryl Grima qal: “BirdLife Malta dejjem emmnet li l-edukazzjoni għandha tkun wieħed mill-pilastri tal-ħidma tagħha u ninsab ċert li kulħadd jaqbel li r-rwol tagħna f’dan il-qasam kien strumentali għall-edukazzjoni ambjentali f’pajjiżna. Waqt li jista’ jkun li n-nies aktar jassoċjaw lil BirdLife Malta mal-edukazzjoni primarja, bħala NGO żviluppajna inizjattivi fis-sekondarja u aktar riċenti f’livell postsekondarju, inkluż fl-MCAST fejn qed naħdmu biex nipprovdu aktar żgħażagħ b’opportunitajiet li jitgħallmu dwar l-ambjent ta’ pajjiżna. Ninsab kuntent ħafna li qed niffirma dan il-ftehim mal-MCAST u ninsab ċert li l-frott ta’ dan l-MoU se jitgawda miż-żewġ organizzazzjonijiet imma anke lil hinn minna ttnejn.”

Silvio De Bono, il-President tal-Bord tal-Gvernaturi tal-MCAST, ikkummenta: “Ninsab kuntent ħafna b’dan il-ftehim ġdid ma’ BirdLife Malta għax jikkontribwixxi biex l-istudenti tagħna jieħdu l-edukazzjoni tagħhom b’mod sħiħ – xi ħaġa li lMCAST jagħtiha ħafna importanza. Is-sħubija tagħna tinkludi wkoll riċerka u apprentistat li qed isiru b’mod konġunt ma’ BirdLife Malta u li minnhom qed nibbenefikaw it-tnejn li aħna.”