Bejn illum u għada jintlagħbu erba’ partiti oħra mill-fażi tal-aħħar 16 taċ-Champions League. Bla dubju l-aktar li tispikka se tkun il-partita fi Stamford Bridge bejn Chelsea u Barcelona. Dan hu konfront li wieħed ra kemm-il darba bejn dawn it-tnejn.
Sa mis-sena 2000 Chelsea u Barcelona lagħbu kontra xulxin 12-il darba. Minn dawn it-12-il darba, ħames darbiet minnhom kienu partiti ta’ fażi ta’ knockout.
Barcelona se jkunu qed jippruvaw jaslu sal-kwarti tal-finali għall-11-il darba filwaqt li mill-aħħar ħames staġuni Chelsea għaddew biss darba għall-kwarti tal-finali.
Mit-12-il darba li lagħbu kontra xulxin f’kompetizzjonijiet tal-UEFA, Chelsea rebħu erba’ konfronti, Barcelona rebħu tlieta u l-ħames partiti l-oħra spiċċaw draw.
L-aħħar darba li lagħbu kontra xulxin kien fis-semifinali tal-2011/12 meta dakinhar kienu Chelsea li għaddew għar-rawnd li jmiss.
Fl-istaġun li għadda Chelsea, fl-ewwel sena tagħhom taħt it-tmexxija ta’ Conte kellhom wirjiet mill-aqwa u rebħu l-Premiership Ingliż. Madankollu dan l-istaġun dawn naqqsu fil-logħob tagħhom u mhux biss hi kważi mpossibbli li jiddefendu t-titlu li rebħu sena ilu imma saħanistra se tkun sfida għalihom biex jikkwalifikaw għaċ-Champions League hekk kif bħalissa jinsabu fir-raba’ post.
Is-sitwazzjoni ta’ Barcelona hi kuntrastanti għal dik ta’ Chelsea.
Fl-istaġun li għadda huma rebħu biss it-Tazza tar-Re u l-bqija raw lir-rivali tagħhom Real Madrid jirbħu ħames unuri fosthom il-kampjonat Spanjol u ċ-Champions League.Dan l-istaġun huma qed jokkupaw l-ewwel post tal-kampjonat u qed ikollhom wirjiet ferm aħjar.
Fl-aħħar ħarġa tagħhom, nhar il-Ġimgħa li għadda f’konfront tal-FA Cup Chelsea sabuha faċli biex rebħu 4-0 kontra Hull filwaqt li Barcelona nhar is-Sibt rebħu 2-0 kontra Eibar.
Bayern jibdew favoriti
Illejla wkoll Bayern Munich jilagħbu fil-Ġermanja kontra Besiktas u bla dubju jibdew favoriti li jikkwalifikaw għar-rawnd li jmiss. It-tim immexxi minn Jupp Heynckes hu kważi diġa’ champion u l-attenzjoni kollha jistgħu jitfawwha fuq din il-kompetizzjoni.
Wara li tilfu 3-0 kontra PSG fit-tieni logħba mill-fażi tal-gruppi, Bayern irkupraw tajjeb u issa se jkunu ġejjin minn 13-il rebħa konsekuttiva. Fi tmiem il-ġimgħa rebħu 2-1 kontra Wolfsburg f’logħba mill-kampjonat filwaqt li fl-aħħar ħarġa tagħhom Besiktas ġew draw 1-1 kontra Konyaspor.
Besiktas, li se jkunu qed jilagħbu għall-ewwel darba f’din il-fażi, skurjaw f’kull logħba tal-fażi tal-gruppi imma ta min jiftakar li issa se jkunu mingħajr l-attakkant Cenk Tosun li ngħaqad ma’ Everton.
//= $special ?>