Barcelona kisbu draw mill-aktar pożittiv ta’ 1-1 barra minn darhom kontra Chelsea biex issa jibdew it-tieni leg fil-Camp Nou favoriti li jgħaddu għall-fażi li jmiss. Chelsea kienu sfortunati li minbarra l-gowl tagħhom laqtu darbtejn il-lasta permezz ta’ Willian fl-ewwel taqsima.
Madankollu l-istess WILLIAN eventwalment sab ix-xibka fit-62 minuta biex poġġa lil Chelsea fil-vantaġġ b’xutt mill-aqwa li spiċċa fir-rokna.
Kwarta mit-tmiem, fl-ewwel żball li għamlu Chelsea fil-partita, dawn ġew ikkastigati meta kien Lionel MESSI li skurja mill-viċin wara li rċieva mingħand Iniesta. Din kienet l-ewwel darba li Messi skurja kontra Chelsea f’disa’ partiti li lagħab kontrihom u t-98 gowl tiegħu fiċ-Champions League.
Fil-logħba l-oħra, kif kien mistenni, Bayern Munich kisbu rebħa faċli ta’ 5-0 f’darhom kontra Besiktas. It-tim Tork spiċċa b’10 wara biss kwarta meta tkeċċa Vida wara li waqqa’ lil Lewandowki.
Minn hawn ‘il quddiem Bayern iddominaw u fetħu l-iskor b’gowl ta’ MULLER li sab ix-xibka mill-viċin wara li rċieva mingħand Alba. Fit-52 minuta dawn irduppjaw b’gowl ta’ COMAN li skurja wara li bidel il-ballun ma’ Lewandowski. Il-gowls komplew ġejjin u fis-66 minuta MULLER skurja t-tieni gowl tiegħu, din id-darba b’volley.
Besiktas ma setgħu jagħmlu xejn kontra l-qawwa ta’ Bayern li ssiġillaw il-konfront b’doppjetta ta’ LEWANDOWSKI f’temp ta’ disa’ minuti.
//= $special ?>