Internazzjonali

Ċivili maqtula waqt il-bumbardamenti fis-Sirja

‘Il Fuq minn 120 persuna, inklużi tfal, mietu waqt bumbardamenti mill-qawwiet tal-Gvern Sirjan fuq reġjun, fil-limiti ta’ Damasku, li hu kontrollat mir-ribelli. L-istraġi u t-telf ta’ ħajja fil-Lvant ta’ Ghouta huma l-agħar mindu l-Armata tal-President Sirjan Bashar al-Assad beda l-assedju fuq dan ir-reġjun fl-2013.

Il-bombi baqgħu neżlin ‘għal ħafna żmien’ fuq l-inħawi partikulari, bil-qawwiet tas-Sirja jirrankaw l-offensiva tagħhom. Dan fost rapporti li nqatlu għexieren oħra ta’ ċivili fost attakki ġodda mill-ajru u bl-artillerija u meta għad fadal qrib l-400,000 persuna maqbudin fil-Lvant ta’ Ghouta, li għadu f’idejn l-Oppożizzjoni Sirjana.

Intant, in-Nazzjonijiet Uniti ħeġġet għall-waqfien tal-bumbardamenti li qed jirriżultaw f’aktar imwiet fost iċ-ċivili Sirjani u meta s-sitwazzjoni tidher li qed issir inkontrollabbli.

L-attakki fuq il-Lvant ta’ Ghouta, li ilhom għaddejjin mill-Ħadd, ma laqtux biss liċ-ċivili iżda anki lill-mezzi tal-għajxien tagħhom, inklużi stabbilimenti u mħażen li jistgħu fihom il-provvisti tal-ikel.