Wara l-istqarrija maħruġa aktar kmieni llum mill-Partit Laburista, id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina ddikjara li l-Partit Laburista qed jipprova jqarraq dwaru biex jgħatti xturu.
Karol stqarr li hu kburi li serva fis-Segretarjat tal-Prim Ministru Eddie Fenech Adami u li ħadem mill-viċin ma’ Lawrence Gonzi meta huwa kien Prim Ministru. Stqarr li l-kontribut tiegħu kien dejjem skont dak mitlub minnu fuq bażi professjonali bħala avukat. Il-ħlas ta’ terminal benefit li rċieva lura fis-sena 2004 kien skont dak li stabbilixxa Alfred Sant meta kien fil-Gvern bejn l-1996 u l-1998.
“Huwa ċar li l-attakk fuqi personali huwa bi tpattija għal mistoqsija parlamentari li jiena għamilt dwar l-eks Deputat Laburista Joe Debono Grech u li kkonfermat li huwa delegat speċjali tal-Prim Ministru Joseph Muscat”, qal Karol Aquilina fi stqarrija. Żied jgħid li l-Prim Ministru beża jgħid x’inhu r-rwol eżatti ta’ Joe Debono Grech, kemm diġà tħallas u qed jitħallas minn fondi pubbliċi talli ngħata dan il-privileġġ speċjali fil-Berġa ta’ Kastilja.
“Jien kont u ser nibqa’ nagħmel mistoqsijiet u nitkellem dwar l-abbużi tal-Gvern Laburista u l-ebda theddid u intimidazzjoni m’huma ser iwaqqfuni milli naqdi d-doveri tiegħi ta’ Membru Parlamentari” tenna Karol Aquilina.
L-istqarrija temm tgħid li minflok jinħela fuqu, il-Prim Ministru missu jispjega l-aġir ta’ nies viċin tiegħu fosthom Keith Schembri, Konrad Mizzi u tal-ħabib ta’ tfulitu Neville Gafà.
//= $special ?>