Lokali

AĠĠORNATA: Evakwazzjoni wara nirien ikkawżati mill-pompa tal-akkwarju fl-ajruport

Numru kbir ta' nies ġew evakwati mill-ajruport

Numru kbir ta’ persuni kellhom jinħarġu mill-ajruport hekk kif saret l-evakwazzjoni tal-binja minħabba nirien.

NET News għandu l-informazzjoni li kien xort elettriku fil-pompa tal-akkwarju fl-ajruport, li kkawża nirien fil-binja tal-wasliet tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta li fortunatament ma kellux konsegwenzi serji. Ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident.

Malli daħal ir-rapport għall-ħabta tas-1:15pm, fil-post immedjatament marru membri tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll tal-Forzi Armati ta’ Malta iżda n-nar kien ġie kkontrollat.

Għal xi ħin il-passiġġieri kienu qed jinżammu jistennew qrib iż-żona riservata għall-VIPs biex ikun evitat kwalunkwè riskju. Filfatt kellhom jiġu evakwati diversi persuni, filwaqt li fuq barra tal-ajruport inġemgħet folla minħabba li partijiet mill-ajruport ġew evakwati għas-sigurtà tal-passiġġieri.