“Dan huwa Gvern li falla fis-settur tas-saħħa tant li jasal jiddeskrivi l-ħofra li ħallew il-Vitals fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex bħala investiment state of the art.”
Hekk sostna d-Deputat Nazzjonalista Mario Galea waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista dwar il-ftehim li l-Gvern iffirma ma’ Vitals għall-isptarijiet Karin Grech, San Luqa u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Mario Galea fakkar kif il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kemm ‘il darba staqsa fil-Parlament dwar min huma s-sidien ta’ Vitals, iżda dejjem baqa’ bla risposta. Qal li għalhekk dan huwa deal ħażin għaliex Vitals m’għandhomx esperjenza fil-qasam mediku. Huwa staqsa fejn marru l-€50 miljun li l-Gvern ta lil Vitals meta dawn ma kellhomx flus għall-pagi, kif ġie rrappurtat fil-midja. Galea qal li filwaqt li Vitals ingħataw €50 miljun mit-taxxi tal-poplu, għandhom €55 miljun dejn.
Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li fit-tweġibiet tagħhom il-Gvern u l-Partit Laburista ma sabu xejn xi jwieġbu fuq il-każ li Adrian Delia fetaħ fil-Qorti biex il-ftehim ma’ Vitals jiġi ddikjarat null.
Qal li bl-ammissjoni tagħhom stess meta qalu li ta’ Stewards huwa ‘the real thing’, il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qegħdin jaqblu ma’ Dr Delia li l-ftehim li għamlu ma’ Vitals kien deal ħażin.
Jason Azzopardi qal li għall-Gvern Laburista li tbiegħ tagħmir mediku li jiswa l-miljuni għal €1 biss huwa investiment tajjeb. Bosta mit-tagħmir mediku li hemm fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u li ngħata lil Vitals għal €1 saħansitra kien inxtara b’fondi li l-Gvern Nazzjonalista preċedenti kien akkwista wara negozjati iebsin mal-Unjoni Ewropea.
Dawn kienu ġew jiswew €3.6 miljun u dan kif ġie żvelat ukoll fil-midja. Jason Azzopardi qal li issa li l-Gvern ta’ Joseph Muscat falla fis-settur tas-saħħa qed jistenna li s-soluzzjonijiet isibhomlu Adrian Delia.
//= $special ?>