Lokali

Ġlieda f’Ħal Tarxien tħalli raġel fil-periklu tal-mewt

Il-Pulizija saru jafu bil-ġlieda 8 sigħat wara

Ġlieda bejn diversi persuni f’Ħal Tarxien tħalli żewġt irġiel feruti, b’wieħed minnhom jinsab fil-periklu tal-mewt.

Raġel ta’ 36 sena minn Ħal Tarxien ġarrab ġrieħi serji u jinsab fil-periklu tal-mewt. Flimkien miegħu ttieħdu wkoll l-isptar żewġt irġiel oħra, raġel ta’ 42 sena minn Ħal Qormi li sofra feriti ħfief, u raġel ieħor minn Ħal Tarxien ta’ 68 sena li ma ġarrabx ġrieħi. Waqt l-argument, allegatament intuża pipe tal-plastik.

Jidher li l-argument seħħ fi Triq Kelin Cachia f’Ħal Tarxien għall-ħabta tal-3.45pm, madanakollu l-Pulizija saru jafu bl-argument li nqala’ f’Ħal Tarxien mill-isptar Mater Dei tmien sigħat wara, għall-ħabta ta’ 11.45pm. Fuq il-post issejaħ tim mediku li ħadu lit-tliet persuni l-isptar Mater Dei sabiex jingħataw il-kura meħtieġa.

Erba’ persuni li allegatament kienu involuti f’dan l-argument ġew miżmuma mill-Pulizija sabiex jgħinu fl-investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Marianne Farrugia li fetħet inkjesta.