Internazzjonali

Ġuri ieħor għall-eks President tal-Peru, Fujimori

L-eks-President tal-Perù Alberto Fujimori se jkollu jgħaddi minn proċess tal-qorti ieħor – din id-darba dwar il-qtil ta’ sitt bdiewa li jmur lura għall-1992.

L-aħbar ingħatat ftit aktar minn xahar wara li Fujimori kien inħeles mill-ħabs, fejn kien qed jiskonta sentenza ta’ 25 sena priġunerija għall-korruzzjoni u abbużi tad-drittijiet umani.

Fujimori, li għandu 79 sena, kien ingħata maħfra għal raġunijiet ta’ saħħa, iżda l-qorti f’Lima li qed tħejji għall-proċess il-ġdid tiegħu sostniet li ‘iċ-ċirkustanzi ta’ saħħtu mhumiex applikabbli għal din id-darba’.

Min-naħa tiegħu, l-eks-President tal-Perù qed jinsisti li hu innoċenti u li hu lest għall-proċess legali. Bintu, Keiko Fujimori, li kienet ikkuntestat għall-Presidenza tal-pajjiż (u tilfet) fl-2016, qalet li hi fiduċjuża ‘li missierha mhux se jinstab ħati f’dan il-każ’.

Minbarra Fujimori, il-qorti qed taħseb biex tipproċessa lil 22 persuna oħra rigward il-qtil tal-bdiewa taħt idejn ‘l-iskwadri tal-mewt’.

Meta l-President tal-Perù attwali, Pedro Pablo Kuczynski, f’Diċembru, kien ikkonferma l-maħfra għal Fujimori,  seħħew il-protesti fit-toroq, fil-kapitali Lima.

Dan meta Alberto Fujimori jibqa’ personalità polemikuża ħafna fil-Perù, fejn għadu l-mira għall-għadab tal-poplu minħabba l-mod kif il-Gvern immexxi minnu kien aġixxa fir-rigward ta’ protesti vjolenti matul il-perjodu bejn l-1990 u l-2000.