Lokali

Ħaddiem ta’ 24 sena jweġġa’ serjament wara li waqa’ sular f’barriera fil-Għargħur

Żagħżugħ li kien qed jaħdem f’sit tal-kostruzzjoni weġġa’ gravi meta dalgħodu għall-ħabta tad-9:15am waqa’ għoli ta’ madwar sular f’barriera li bħalissa għaddej xogħol ta’ kostruzzjoni fi Triq Antonio Zammit fil-Għargħur.

Il-ħaddiem, li għandu 24 sena huwa mill-Ghana residenti l-Marsa.

Fuq il-post waslu Pulizija, membri tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll ambulanza li ħadet lir-raġel l-isptar fejn ġie ċċertifikat li ż-żagħżugħ weġġa’ serjament.

Bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat tal-Għassa Francesco Depasquale li ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta li ġiet appuntata.