Lokali Unjoni Ewropea

Iċ-Chairman tal-EPP: David Casa u l-poplu Malti m’humiex weħidhom

Iċ-Chairperson tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew Manfred Weber

Manfred Weber, iċ-Chairman tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew fil-Parlament Ewropew, għamel dikjarazzjoni b’saħħitha jiddefendi lill-poplu Malti u Għawdxi, kif ukoll lill-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, l-MEP David Casa.

Fi stqarrija, l-għada li l-MEP David Casa mar jixhed quddiem il-Maġistrat u ppreżenta l-provi ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus mill-ogħla uffiċjali tal-Gvern Malti, Manfred Weber qal “David Casa m’huwiex waħdu. Warajh, hemm is-saħħa kollha tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew. Il-Partit Popolari Ewropew dejjem iddefenda lill-poplu Malti u Għawdxi u kien b’saħħtu kontra l-korruzzjoni u l-abbuż tal-poter. Se nkomplu nanaliżżaw l-iżviluppi f’Malta fid-dettall.”

Iċ-Chairman tal-Grupp tal-PPE qal ukoll li l-kultura ta’ impunità f’Malta li laħqet il-qofol tagħha bil-qtil tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia, hi ta’ tħassib għall-Unjoni Ewropea. Hu qal li hu xokkanti l-fatt li membri tal-Gvern Malti msemmijin fil-Panama Papers għadhom f’karigi għolja fi ħdan il-Gvern. Hu sostna li hu gravi wkoll li l-Gvern Malti injora totalment ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-saltna tad-dritt f’Malta kif ukoll il-konklużjonijiet tar-rapport dwar Malta ppubblikat fil-11 ta’ Jannar li għadda. Dan ir-rapport sejjaħ għat-tneħħija tan-nies implikati f’korruzzjoni u biex dawn jiġu investigati.

Manfred Weber qal ukoll li l-awtoritajiet Maltin, għandhom jużaw l-enerġija tagħhom biex jindirizzaw il-korruzzjoni fl-istituzzjonijiet, u mhux biex jattakkaw lil dawk li qed jikxfu min qed jagħme ħażin.

Ilbieraħ, l-MEP David Casa għamel madwar siegħa u nofs quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja, u għaddielu kopja tar-rapport tal-FIAU dwar ħasil ta’ flus u korruzzjoni. Fil-kummenti tiegħu barra l-Qorti, Casa qal li filwaqt li m’għandux fiduċja fil-Kummissarju tal-Pulizija, għandu fiduċja sħiħa fil-ġudikatura u fil-Maġistrat.

“Ġejt naqdi d-dover tiegħi f’isem il-poplu Malti” – David Casa