Lokali

Il-bank HSBC Malta jħabbar anqas qligħ imma jżid id-dividend għal €20 miljun

Il-bank HSBC Malta ħabbar li għamel qligħ qabel it-taxxa ta’ €49.8 miljun għas-sena li għaddiet. Dan fisser tnaqqis ta’ €12.4 miljun u dan meta mqabbel mas-sena 2016. Ir-riżultati finanzjarji tal-bank tħabbru waqt konferenza li saret fil-bini tal-Kamra Maltija tal-Kummerċ fil-Belt Valletta.

Il-Kap Eżekuttiv tal-bank, Andrew Beane, qal li l-bank ikkonferma li l-mudell ta’ negozju u l-programm ta’ bidla fl-immaniġjar tar-riskju tiegħu twettqu matul is-sena l-oħra u wasslu għal tnaqqis fil-qligħ fi żmien qasir.

Ħabbar wkoll li l-bank HSBC għandu divident ta’ €20 miljun biex jagħtihom lill-azzjonisti u dan la darba sar progress b’saħħtu fil-pjan strateġiku tal-bank.

Dan ifisser li l-bank HSBC Malta għamel anqas qligħ mis-sena l-oħra imma żied b’mod sostanzjali d-divident lill-azzjonisti tiegħu.

Matul is-sena l-oħra l-bank eżamina wkoll l-klawżoli ta’ ftehim kollettiv marbuta mal-benefiċċji futuri tal-impjegati u ħarsa fuq perjodu ta’ żmien itwal fl-applikazzjoni tal-klawżoli rriżultat fi spejjeż addizjonali ta’ €7.6 miljun fl-2017 u dan meta s-sena ta’ qabel fl-2016 kienet ta’ €2 miljun