Sport Waterpolo

Il-Kampjonat tax-xitwa tal-Waterpolo se jibda fis-16 ta’ Marzu

Mix-xellug: Il-Viċi President tal-Waterpolo Karl Galea, l-Uffiċjal Kap tal-BOV Anthony Scicluna, il-President tal-ASA Joe Caruana Curran u s-Segretarju Ġenerali tal-ASA Rita Azzopardi
B'kollox se jieħdu sehem sitt timijiet fil-Kampjonat Premier u erba' timijiet fl-Ewwel Diviżjoni

Illum fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq telgħu l-poloz tal-Kampjonat BOV tax-xitwa għal din is-sena. Din is-sena se jkun hemm total ta’ 10 timijiet li se jieħdu sehem, sitta fil-Kampjonat Premier u erbgħa fl-Ewwel Diviżjoni, bl-eċċezzjoni ta’ Marsaxlokk li mhux se jieħdu sehem.

Differenza mis-snin passati hi li din is-sena l-kampjonat tax-xitwa hu t-tieni unur tal-istaġun wara li ntlagħbet l-Enemed Cup li serviet ta’ preparazzjoni għall-play-off kontra l-Belarus. Il-kampjonat se jibda fis-16 ta’ Marzu u mistenni jintemm fl-1 ta’ Mejju għajr xi eċċezzjonijiet. Il-President tal-ASA Joe Caruana rringrazzja lill-klabbs u l-kowċis tagħhom tal-impenn biex jippreparaw lill-plejers fl-aħjar kundizzjoni possibbli.

Il-Kampjonat Premier se jintlagħab fuq rawnd, bl-ewwel żewġ timijiet klassifikati jgħaddu direttament għall-play-offs filwaqt li l-erba’ timijiet oħra jilagħbu play-off biex jiġi determinat iż-żewġ timijiet l-oħra li jgħaddu għas-semifinali.

L-Ewwel Diviżjoni minħabba li hemm erba’ timijiet, se jintlagħab fuq erba’ rawnds bil-postijiet finali jiddeterminaw il-logħbiet tal-play-off.

L-Uffiċjal Kap tal-BOV Anthony Scicluna fl-ewwel okkażjoni tiegħu f’konferenza stampa tal-Waterpolo sellem il-memorja tal-ġurnalist veteran Alex Vella li miet fis-sajf tas-sena l-oħra u ddeskrivih bħala ġurnalist eżemplari.

Scicluna awgura lill-ASA għall-konfront tal-play-off li għandhom is-Sibt kontra l-Belarus fejn qal li jittama li jaqtgħu l-frott ta’ dak li ħadmu għalih. Hu saħaq li l-Bank of Valletta hu kburi li jaħdem mal-ASA fejn parti mill-isponsor tagħhom hu li jgħinu fil-promozzjoni taż-żgħażagħ f’dan l-isport, u kompla jgħid li hu evidenti li dan il-ftehim kien suċċess.

Il-President tal-ASA Joe Caruana Curran qal li minn eżerċizzju li sar, l-età medja tat-tim hi 23.8 sena u qal li jekk wieħed jaqta’ lill-veteran Aurelien Cousin, din il-medja tkompli tinżel, hekk kif hemm ħames plejers li għandhom 19-il sena.

Meta kien mistoqsi dwar is-sitwazzjoni tal-barranin fil-kampjonati tagħna, il-President tal-ASA li jeżisti qbil biex fil-kampjonat tas-sajf ikun hemm barrani din is-sena u fl-2019 jerġgħu jiżdiedu għal tnejn. Madankollu saħaq li fl-Ewwel Diviżjoni hemm xi kwistjonijiet relatati mas-suġġett tal-barranin u jridu jistennew dettalji mill-MCCA dwar ilment li tressaq minħabba l-limitu.

Tim Nazzjonali

B’referenza għall-play-off tas-Sibt li ġej kontra l-Belarus, il-kowċ nazzjonali Karl Izzo kkonferma t-13-il plejer li lagħbu l-LEN Europa Cup fi tmiem il-ġimgħa l-oħra.

L-iskwadra kollha hi: Nicholas Grixti (Sirens), Nicholas Bugelli (Sliema), Andreas Galea (San Ġiljan), Darren Zammit (San Ġiljan), Jeremy Abela (Neptunes), Matthew Zammit (San Ġiljan), Stevie Camilleri (Neptunes), Jordan Camilleri (Neptunes), Ben Plumpton (San Ġiljan), Aurlien Cousin (Exiles), Zach Mizzi (Sliema), Dino Zammit (San Ġiljan), Jake Tanti (San Ġiljan)

L-ewwel ġurnata

Kampjonat Premier

Il-Ġimgħa 16 ta’ Marzu

Valletta v Neptunes       7.30pm

Is-Sibt 17 ta’ Marzu

San Ġiljan v Exiles        4.15pm

Sliema v Sirens              5.30pm

Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni

Il-Ġimgħa 16 ta’ Marzu

Otters v Birżebbuġa       6.15pm

Is-Sibt 17 ta’ Marzu

Ta’ Xbiex v Marsaskala 3.00pm