Juan Carlos Crus, wieħed mix-xhieda li qed iressaq allegazzjonijiet serji dwar abbużi sesswali minn membri tal-Kleru fid-Djoċesi ta’ Osorno fiċ-Ċilè, stqarr li għall-ewwel darba fl-Arċisqof Malti Chalres J.Scicluna sab persuna li semgħetu b’imħabba u li waqt li rrakkontalu l-esperjenza diffiċli tiegħu, l-istess Arċisqof Malti deher evidentement kommoss u mnikket.
Juan Carlos Crus hu wieħed mill-persuni li ilhom qatigħ iressqu l-vuċi tagħhom li meta kienu iżgħar kienu sfaw abbużati sesswalment minn membri tal-Kleru fi ħdan id-Djoċesi ta’ Osorno fiċ-Ċilè sal-punt li dawn il-persuni allegatament abbużati ressqu l-karba tagħhom quddiem il-Papa Franġisku waqt żjara pastorali fl-Amerika Latina ftit tal-ġimgħat ilu.
Il-laqgħa bejn Juan Carlos Cruz u l-Arċisqof Malti, li saret fi New York, kienet waħda mifruxa fuq tliet sigħat sħaħ li fihom iċ-Ċilen tkellem fid-dettall dwar dak li għadda minnu hu meta kien iżgħar u kien jimmilita ħafna mill-qrib ta’ wħud mis-saċerdoti fid-djoċesi ta’ Osorno.
Fi tmiem il-laqgħa Juan Carlos Crus qal lill-midja li stennietu barra li f’mument minnhom waqt li hu kien qed jagħti x-xhieda dettaljata tiegħu lir-Ragħaj Spiritwali Malti, l-istess Arċisqof Malti deher kommoss u anki beka bit-tagħrif li ngħatalu dwar dak li ġara snin ilu.
Juan Carlos Cruz kien ikkwotat li qal: “He was moved by what I said,” filwaqt li żied jiddeskrivi l-laqgħa bejniethom bħala waħda mill-aktar miftuħa u trasparenti.
Hu żied juri l-apprezzament kbir tiegħu u ta’ kollegi oħrajn ukoll abbużati minn membri tal-kleru f’din id-djoċesi fiċ-Ċilì, filwaqt li għamilha ċara li: “I don’t know what the outcome will be.”
Juan Carlos Crus enfasizza ma’ ġurnalisti mir-Reuters, l-Associated Press, CNN u oħrajn li fil-ġimgħat li għaddew hu kien irċieva ħafna attenzjoni mill-midja, li allura tefgħet fuqu responsabbiltajiet kbar.
“Thousands of cases in the world need the same attention that this one has received,” żied jenfasizza filwaqt li kompla li : “It’s not enough to say you are sorry. There should be a policy that every survivor in the world should be heard. Everyone should receive the treatment I received today.”

Oriġinarjament l-istorja ta’ Juan Carlos Cruz u bosta oħrajn feġġgħet fil-beraħ fl-2010 meta kienu ngħadu allegazzjonijiet mill-aktar serji fil-konfront ta’ Dun Fernando Karadima, li kien saċerdot influwenti ħafna fid-Dċoċesi ta’ Osorno u barra minn hekk jidher li kien qrib ħafna wkoll tal-Isqof tal-post Jean de La Cruz Barros Madrid.
F’dawk l-allegazzjonijiet kienu ssemmew diversi ismiijet oħrajn ta’ saċerdoti oħra fl-istess parroċċa. Madankollu għal mument il-każ bħal raqad, sakemm f’Jannar tal-2015 il-Vatikan kien ħabbar li l-Isqof Jean de La Cruz Barros Madrid, li kien iservi fil-militar Ċilen, kien se jsir l-Isqof tad-Djoċesi ta’ Osorno, li tinsab fin-Nofsinhar taċ-Ċilì.
Din l-aħbar sabet jistennewha oġġezzjonijiet kbar ħafna minħabba li komplew joħorġu aktar fatti ta’ kemm dan l-Isqof partikulari kien persuna qrib ferm ta’ Dun Fernando Karadima li dwaru hemm dellijiet tqal.
Saħansitra anki l-kleru inġenerali fiċ-Ċilì ħareġ jopponi tali ħatra, filwaqt li l-Papa Franġisku kompla għaddej fil-proċess tal-ħatra minħabba li sostna li ma kien hemm l-ebda evidenza ta’ prattiċi ħżiena fil-konfront tal-Isqof Jean de La Cruz Barros Madrid.
Min-naħa tiegħu l-istess Isqof Jean de La Cruz dejjem ċaħad li hu kien jaf b’xi abbużi sesswali involut fihom Dun Fernando Karadima.
Iċ-ċirasa fuq dan kollu tpoġġiet ftit tal-ġimgħat ilu biss meta l-Papa Franġisku għamel żjara pastorali fl-Amerika Latina, fosthom fiċ-Ċilì, fejn hu ddefenda bil-qawwa kollha lill-Isqof Ċilen involut f’din il-kontroversja tant li f’mument minnhom sejjaħ l-akkuż fil-konfront tal-Isqof bħala “kalunji”.
Dwar dan kollu Juan Carlos Cruz qal li għalih dawn il-ġrajjiet qishom bħala daqqiet ta’ ħarta fuq wiċċu u fuq dawk sħabu li wkoll sostnew l-istess allegazzjonijiet. “I was upset… and at the same time I couldn’t believe that someone so high up like the pope himself could lie about this.”
Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju kollu Juan Carlos Cruz kiteb ittra dettaljata lill-Papa Franġisku u għaddihielu lura f’April tal-2015. F’din l-ittra hu ddeskrivielu xena partikulari ta’ Dun Fernando Karadima: “kissing and fondling me and other.”
L-istess ittra hu għaddieha wkoll lil membri fil-Kummissjoni Pontifiċja għall-Protezzjoni tal-Minuri li min-naħa tagħhom talbu biex jiltaqgħu mal-Konsulent tal-Papa Franġisku dwar dan is-suġġett… il-Kardinal ta’ Boston Sean O’Malley.
Juan Carlos Crus isostni li: “When we gave him [O’Malley] the letter for the Pope, he assured us he would give it to the Pope and speak of the concerns.”
Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju kollu mbagħad il-Papa Franġisku aktar kmieni din is-sena ħatar lill-Isqof Charles J.Scicluna biex jivvjaġġa lejn New York u ċ-Ċilì u jagħmel żjara importanti f’Osorno u jisma’ għadd ta’ persuni li qed jallegaw li kienu vittmi ta’ abbużi fuqhom meta kienu għadhom minorenni. Minn New York issa l-Arċisqof Malti se jivvjaġġa lejn iċ-Ċilì u biex ikompli jiġbor aktar provi importanti dwar dan il-każ tant delikat.
Tajjeb infakkru li l-Arċisqof Charles J. Scicluna, minbarra li hu l-Mexxej tal-Insara fl-Arċidjoċesi ta’ Malta, hu wkoll il-President tal-Kulleġġ li jeżamina r-Rikorsi ppreżentati lill-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, fi ħwejjeġ li għandhom x’jaqsmu ma’ reati serji ħafna fil-ħajja tal-Knisja, l-hekk imsejħa Delicta Graviora (Reati iktar serji).
//= $special ?>