Internazzjonali

L-Iran: Jgħidu li nstabu l-fdalijiet tal-ajruplan ‘fuq muntanja’

Il-Gwardjani Rivoluzzjonarji tal-Iran qalu li sabu l-fdalijiet tal-ajruplan tal-passiġġieri tal-linja Aseman, li, nhar il-Ħadd, iġġarraf qalb il-muntanji ta’ Zagros, fil-Punent tal-Iran. It-Televiżjoni tal-Istat, intant, xandret filmati (li ttieħdu mill-ħelikopter) ta’ oġġetti li allegatament huma ‘partijiet tal-ajruplan’ mifruxin madwar muntanja.

L-ajruplan, li kien fi triqtu minn Teheran lejn il-belt ta’ Yasuj, iġġarraf ftit ’il barra mill-belt ta’ Semirom, fil-provinċja ta’ Isfahan, bl-awtoritajiet jemmnu li tilfu ħajjithom is-66 persuna li kienu abbord.

L-iskwadri għall-emerġenza, intant, se jkomplu bit-tfittxija għall-persuni nieqsa, huma u jivvjaġġaw bil-mixi lejn iz-zona. Dan meta l-ħelikopters ma setgħux jinżlu fuq il-muntanja speċifikata minħabba l-kundizzjonijiet diffiċli fir-reġjun.

Is-servizzi għall-emerġenzi qalu li se jkun diffiċli ħafna li ‘jitrasferixxu l-katavri tal-vittmi’ mill-muntanja minħabba l-maltemp kontinwu fl-inħawi. Dan meta x’aktarx li se jintuża t-tagħmir tal-Armata waqt l-isforzi biex il-katavri jittieħdu mill-muntanja, bil-ħaddiema mal-Fergħa Iżlamika tas-Salib l-Aħmar ukoll qegħdin jappoġġjaw dawn l-isforzi.

Il-Gwardja Rivoluzzjonarja – li hi entità influwenti ħafna fost il-qawwiet armati tal-Iran – qalet li l-fdalijiet tal-ajruplan li ġġarraf, tat-tip ATR 72-500, kienu indikati permezz tal-filmati ta’ drone u qabel il-ħelikopters tal-Armata intbagħtu lejn iz-zona.

Rapporti oħra rreferew għal ‘katavri mferrxin madwar l-ajruplan fuq il-muntanja’, bil-viżibbiltà f’dik iz-zona tkun ‘aħjar milli kienet fil-jiem ta’ qabel’.