– Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia sostna fil-parlament li l-liġi dwar il-produzzjoni tal-kannabis għal skopijiet mediċinali saret bl-għaġġla u ma toffrix il-garanziji neċessarji biex ikun assigurat li l-pajjiż ma jmurx għall-produzzjoni tal-kannabis għal skopijiet ta’ rikreazzjoni.
Adrian Delia qal li f’silta mid-diskors tal-Prim Ministru kien dikjarat li d-diskussjoni dwar il-kannabis għandha tinqasam fi tnejn; l-użu mediċinali u l-użu rikreattiv. Il-Prim Ministru qal li ma toġgħbux il-kelma rikreazzjonali għaliex din tista’ tinftiehem li l-kannabis tista’ tintuża għal attività normali ta’ divertiment.
Adrian Delia qal li d-dibattitu issa hu dwar il-produzzjoni tal-kannabis iżda l-liġi ma tagħmilx id-distinzjoni li għamel il-Prim Ministru. Il-liġi għandha nuqqasijiet kbar, sosta Adrian Delia, li kompla li l-PN hu favur l-investiment fis-settur tal-farmaċewtika wara li kien Gvern Nazzjonalista li ħoloq din l-inudustrija. Hu tkellem dwar il-kultivazzjoni tal-kannabis u staqsa jekk il-liġi hux se tippermetti l-kultivazzjoni tal-kannabis fil-pajjiż u hix fil-fatt qed tintroduċi l-kultivazzjoni tal-kannabis fil-pajjiż.
Fil-pajjiż mhux neċessarju li jkun hawn il-kultivazzjoni tal-kannabis minħabba l-aspett ta’ kobor indirizzat għall-massa u m’hemmx limitu għall-produzzjoni mediċinali biss. Il-Gvern irid jassigura iktar milli hemm fil-liġi – li tispeċifika biss li tista’ ssir il-kulitvazzjoni b’liċenzja – għax m’hemmx garanziji dwar il-kultivazzjoni għal skopijiet oħra.
Il-liġi ma tispefiċikax li l-kultivazzjoni u l-produzzjoni tal-farmaċewtika jridu jsiru taħt l-istess kontroll u bl-istess strettezza. Il-liġi lanqas mhi tagħti s-serħan tal-moħħ dwar il-kutivazzjoni u l-produzzjoni tal-kannabis. Jeħtieġ li l-pajjiż ikun attent ħafna, sostna Adrian Delia, li qal li f’pajjiżi barranin din l-attività ssir taħt kundizzjonijiet stretti immens.
Dwar ir-regolatur tas-settur, Adrian Delia qal li dan hu settur speċjalizzat tal-mediċini u kompla li dan għandu jaqa’ taħt l-Awtorità tas-Saħħa. Il-garanziji li ta l-Prim Ministru ma jeżistux fil-liġi.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li din hi liġi mgħaġġla li qisha trid tgħaddi f’ġurnata waħda fejn diġà tħabbar investiment. Din hi liġi li qed issir biex ikun trattat investiment partikolari. Il-parlament ma jisatx jilleġiżla għal kumpaniji partikolari li ġejjin jagħmlu n-negozju fil-pajjiż partikolarment f’settur sensittiv bħal dan. Ma jistax ikun aċċettat li jkun hawn sitwazzjoni fejn il-kumpanija li qed turi interess f’Malta għandha passat li juri li din tispeċjalizza fil-produzzjoni tal-marijuna għal skop rikreattiv. Il-liġi għandha tiggarantixxi li mill-mediċina din il-kumpanija ma tgħaddix għall-kannabis rikreattiva.
Adrian Delia kompla li l-gvern irid ikun ċar li l-liġi se tibqa’ fuq il-kannabis mediċinali u għalhekk għandu jkun hemm il-garanzija li bl-ebda avviż legali ma jkun jista’ jbiddel din il-liġi. Hemm bżonn isir tibdil kbir fil-liġi għax kif inhi din mhix aċċettabbli.
//= $special ?>