Qawwiet leali għall-President Sirjan, Bashar al-Assad, daħlu fiz-zona ta’ Afrin ( fis-Sirja) li hi kontrollata mill-Kurdi, fejn qegħdin jissugraw li jidħlu f’konfront armat mat-Turkija. Dan meta l-qawwiet Torok, fil-preżent, qed jibbumbardjaw l-inħawi partikulari.
Il-Gvern Sirjan daħal fl-azzjoni wara li kien mitlub l-għajnuna mingħand milizzja tal-Kurdi li fl-aħħar ġranet kienet qed tirreżisti offensiva minn truppi Torok u ribelli Sirjani alleati mat-Turkija.
L-azzjoni seħħet jum wara li l-aġenzija tal-aħbarijiet tas-Sirja qalet li ‘il-qawwiet popolari’ kellhom jintbagħtu lejn Afrin ‘biex jirreżistu l-attakki min-naħa tar-reġim Tork’.
Intant, is-suldati Torok fl-aħħar sigħat ibbumbardjaw iz-zona, bit-Turkija tgħid li ‘sfurzat l-irtirar tal-ġellieda favur il-Gvern Sirjan’.
It-Turkija u r-ribelli alleati magħha ilhom l-aħħar xahar jiġġieldu kontra l-milizzji Kurdi fl-inħawi ta’ Afrin. Dan meta l-Gvern f’Ankara hedded li jikkonfronta wkoll lill-qawwiet tal-Gvern Sirjan ‘fil-każi fejn huma jintervjenu’. Dan fost prospetti sostanzjali ta’ konflitt dirett bejn żewġ protagonisti fil-gwerra ċivili tas-Sirja.
Il-Mexxejja Torok qed jgħidu li jridu ‘jikinsu ‘il barra’ lill-membri tal-milizzja bl-isem ‘Taqsimiet għall-Protezzjoni tal-Poplu’ minn Afrin, meta Ankara tikkunsidraw lil dawn il-ġellieda bħala ‘terroristi’.
//= $special ?>

