Lokali

Attentat biex il-ħtija tal-fjask tal-VGH titwaddab fuq Charles Mangion

Id-deal tal-bejgħ tal-isptarijiet ġie negozjat fi żmien Konrad Mizzi; Il-PN jistaqsi fejn marru €50 miljun

Il-Gvern se jkun qed jagħmel l-almu tiegħu biex jipprova jwaddab il-ħtija tal-fjask tal-bejgħ tal-isptarijiet fuq l-eks Deputat Mexxej Laburista Charles Mangion, NET News jinsab infurmat.

Dan hekk kif il-gazzetta Illum żvelat li l-Gvern kien waqqaf unit fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa, immexxi minn Charles Mangion, li kien responsabbli li jara li l-obbligazzjonijiet tal-Vital Global Healthcare jinżammu.

Kien il-Ministeru tas-Saħħa stess li kkonferma l-informazzjoni żvelata mill-gazzetta Illum, f’dak li jidher bħala attentat biex il-ħtija tal-fjask tal-bejgħ tal-isptarijiet u t-trasferiment tal-konċessjoni jitneħħa minn fuq spallejn il-Ministru Konrad Mizzi, li kien fi żmienu meta d-deal tal-bejgħ tal-isptarijiet ġie nnegozjat.

Il-ftehim għall-bejgħ tat-tliet sptarijiet bejn il-Gvern u l-VGH waqa’ 28 sena qabel iż-żmien, u issa l-istess ftehim għadda f’idejn kumpanija ġdida – Steward Healthcare. Filwaqt li l-VGH telqu mill-istampa darba għal dejjem, il-Partit Nazzjonalista qed jistaqsi fejn marru €50 miljun ewro li l-Gvern ta lill-Vitals meta dawn ma kellhomx flus għall-pagi tal-ħaddiema, kif ġie rrappurtat fil-media. Dan apparti il-€55 miljun f’dejn li għandhom il-VGH.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kemm-il darba rrepeta li d-deal bejn il-Gvern u l-Vitals sar apposta biex ifalli ħalli xi ħadd jagħmel il-flus.

Sadanittant, hekk kif il-Gvern qed jipprova jnessi li kien Konrad Mizzi li nnegozja d-deal mal-Vitals billi jipprova jwaddab ir-responsabbiltà fuq spallejn Charles Mangion, fil-jiem li għaddew, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia preżenta rikors il-Qorti biex il-poplu Malta jieħu lura f’idejh dak li hu tiegħu – it-tliet sptarijiet tal-Maltin u l-Għawdxin.