Sport Sport Ieħor

Bormla SC jaslu sal-kwarti tal-finali fl-Open Internazzjonali f’Napli

Mix-xellug: Il-plejers ta’ Bormla Josef Camilleri, Mauro Camilleri u Joseph Mifsud u l-plejer ta’ Eagles Napoli Angelo Borg

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet ġie organizzat l-Open Internazzjonali ta’ Napli, fl-Ippodromo di Agnano. Is-Sibt kien hemm il-kompetizzjonijiet tat-timijiet, bit-tim ta’ Bormla Subbuteo Club jieħu sehem. Huma waslu sal-kwarti tal-finali fejn kienu eliminati kontra t-tim Taljan ASD Stabiae. L-iskor finali kien ta’ 2-2 iżda tilfu bid-differenza fil-gowls.

Il-Ħadd saru l-kompetizzjonijiet individwali. L-aħjar riżultat inkiseb mill-plejer ta’ Eagles Napoli Angelo Borg li jilgħab fil-kategorija Open. Hu wasal sas-semifinali u tilef 2-1 b’sudden death kontra Juan Noguera, li spiċċa l-plejer rebbieħ tal-kategorija.

Mauro Camilleri ta’ Bormla SC kien eliminat fil-fażi tal-gruppi, filwaqt li Josef Camilleri wkoll ta’ Bormla SC wasal sal-kwarti tal-finali. Fil-kategorija tal-veterani ħa sehem Joseph Mifsud ta’ Bormla SC fejn wasal ukoll sal-kwarti tal-finali.

Il-kampjonati lokali

Il-kampjonat Malti tal-plejers jinsab lejn tmiemu. Bħalissa fil-quċċata qed jissieltu għat-titlu Massimo Cremona u Samuel Bartolo filwaqt li fit-tielet post hemm Derek Conti. Il-logħob li jmiss se jkunu fit-18 ta’ Marzu filwaqt li l-aħħar ġurnata se tintlagħab fl-20 ta’ Mejju.

Il-Ħadd li għadda ntlagħbet iċ-Challenge Cup, b’Samuel Bartolo jispiċċa rebbieħ 2-1 b’sudden death kontra Massimo Cremona f’logħba missielta sal-aħħar. Bartolo kien rebbieħ tal-kampjonat filwaqt li Cremona rebaħ in-knock-out.

Il-kampjonat tal-klabbs se jintlagħab il-Ħadd li ġej fil-każin San Ġorġ f’Bormla fit-8.30am. Il-pubbliku hu mħeġġeġ u l-pubbliku hu b’xejn.