Is-Soċjetà Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa se ttella’ Programm ta’ Mużika Sagra fil-Katidral Metropolitan tal-Konverżjoni ta’ San Pawl fl-Imdina nhar is-Sibt li ġej fit-8 ta’ filgħaxija.
Permezz tal-Programm ‘A Night at the Cathedral’, il-Banda Birżebbuġa se tfakkar il-50 Sena minn mindu l-Papa Beatu Pawlu VI ddikkjara li kien hemm biżżejjed provi, saħansitra xjentifiċi, li r-relikwiji misjuba taħt l-artal prinċipali tal-Vatikan huma dawk awtentiċi tal-Appostlu San Pietru.
Fost il-mużika li l-banda se tesegwixxi nsibu 2 xogħolijiet tas-Surmast Ray Sciberras, Preludio mill-Kantata Tu Es Petrus u selezzjoni mill-film Anno Domini XXXIII, Ave Maria ta’ Philippe Rhombi u Dolce Sentire minn Fratello Sole, Sorella Luna ta’ Riz Ortolani. Flimkien mal-banda, li se tkun taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur, Michael Bugelli, jingħaqdu t-Tenur, Charles Vincenti, u s-Sopran, Ruth Sammut Casingena.
Il-Programm jagħlaq bis-sinfonija mpenjattiva The Archangels tal-kompożitur prolifiku Żvizzeru Franco Cesarini. Din l-opra mużikali, li se tkun qed tiġi esegwita għall-ewwel darba f’pajjiżna, se toffri sfida mużikali kbira lill-bandisti tal-Banda Birżebbuġa hekk kif il-kompożitur Żvizzeru kkompona s-sinfonija b’lingwa dramatika u ntensa, bi żviluppi tematiċi intensivi u elaborazzjoni polifonika frekwenti. Ix-xogħol tematiku ntnisel minn melodiji qodma Gregorjani li jgħaġnu l-qafas tax-xogħol kollu.
Il-proġett huwa ffinanzjat mill-programm tal-Komunitajiet Kreattivi fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti u d-dħul għal dan il-programm huwa b’xejn.
//= $special ?>